Saħħa

L-MUMN kellha thedded lill-Gvern biex issa se jimpjega iktar infermiera

21 infermier se jibda jaħdem mad-Dipartiment tas-Saħħa mill-Ħamis li ġej wara li l-union tal-infermiera u l-qwiebel kellha tispiċċa thedded lill-Gvern li se tieħu azzjoni jekk se jibqa’ ma jagħmel xejn minkejja n-nuqqas ta’ ħaddiema.

L-MUMN kienet qed tipprotesta mal-Gvern li 21 infermier, reġistrati mal-kunsill tal-infermiera u l-qwiebel iktar minn 15-il sena ilu, baqgħu ma ġewx impjegati mid-Dipartiment tas-Saħħa meta l-isptarijiet, id-djar tal-anzjani u ċ-ċentri tas-saħħa ilhom jiffaċċjaw nuqqas ta’ infermiera.

Saħqet li minħabba dan in-nuqqas, il-membri tagħha għaddejjin “minn infern” fuq il-post tax-xogħol u li qed ibatu l-pazjenti u qrabathom. Kellha thedded li jekk il-Gvern ma kienx se jimpjega lil dawn l-infermiera din il-ġimgħa, kienet se tieħu passi ulterjuri.

Wara t-theddida tal-MUMN, il-Gvern ħa azzjoni u nforma lill-union li kien se jimpjegahom.