Il-Prim Ministru qal li l-Gvern żied l-investiment fis-saħħa u fl-edukazzjoni u huwa l-aktar Gvern favur in-negozju fl-istorja ta’ Malta. Skont il-Prim Ministru fl-aħħar sentejn u nofs fetħu tmien kumpaniji kuljum f’Malta.
Il-viżjoni tal-Gvern biex jinħoloq ix-xogħol skont il-Prim Ministru hi li fis-setturi tas-saħħa, l-edukazzjoni, il-loġistika u l-enerġija. Malta waslet qabel l-Ingilterra dwar l-investiment Ċiniż f’Malta, sostna l-Prim Ministru, li qal li l-Gvern se jiġġieled il-burokrazija fin-negozju.
Il-Prim Ministru qal li se jmur l-Alġerija fil-ġranet li ġejjin u ddikjara li hu kburi li hu salesman għal Malta. Skont il-Prim Ministru l-industrija u l-esportazzjoni qed jirreġistraw żidiet u se jitwaqqfu diversi aġenziji biex isaħħu l-ekonomija.
Qed jinħolqu 17-il post tax-xogħol ġdid kuljum, sostna l-Prim Ministru, li qal li l-Gvern mhux se jiddejjaq jaqta’ l-benefiċċji soċjali lil min jabbuża. Dwar l-impjiegi mal-Gvern, il-Prim Ministru qal li dawn huma fl-edukazzjoni u fis-saħħa. L-inflazzjoni hi tliet darbiet inqas minn dak li kienet taħt Gvern Nazzjonalista, sostna Joseph Muscat. Din is-sena tneħħew 2000 persuna mill-prekarjat, qed titnaqqas l-income tax u qed jitħallas id-dejn tal-Enemalta. Skont il-Prim Ministru, iż-żejt llum mhux 25 fil-mija inqas milli kien taħt Gvern Nazzjonalista iżda l-kontijiet traħħsu b’25 fil-mija.
//= $special ?>

