ONE Productions ordnati jħallsu €51,000

Il-kumpanija tal-media tal-Partit Laburista, ONE Productions, kienet ordnata tħallas €51,000 lil Performing Right Society Ltd talli kienet użat mużika bil-‘copyright’ mingħajr il-permessi meħtieġa.

Il-kumpanija Performing Right Society kienet fetħet il-każ fl-1998 u kienet argumentat li mill-1994, ir-radju Super One (li s-sid tiegħu hu ONE Productions, qabel Rainbow Productions Ltd) kien qed juża mużika mingħajr awtorizazzjoni u dak iż-żmien, il-kumpanija tal-Partit Laburista kienu ġew ordnati jħallsu ftit anqas minn €51,000.

L-appell, li kien intalab minn ONE Productions, kien ikkonferma s-sentenza iżda naqqas is-somma għal €7,000. Dan kien wassal biex il-kumpanija Performing Right Society talbet li jerġa’ jinstema’ l-appell, li nqata’ t-Tlieta u li fih kienet ikkonfermata s-sentenza tal-Qorti biex ONE Productions tħallas €51,000 talli kienet użat mużika mingħajr permess.