Studenti tal-MCAST fl-Istitut tal-Arti Kreattiva jinsabu urtati għall-fatt li ġimgħatejn wara l-bidu tas-sena skolastika, il-gruppi tagħhom għadhom qed jinbidlu.
Ftit tal-jiem ilu, l-amministrazzjoni tal-istitut, fuq Facebook ħabbru li l-gruppi tal-istudenti nbidlu mill-ġdid. Tibdil li urta mhux ftit lil grupp ta’ studenti, li fuq il-paġna uffiċjali tal-istitut fuq Facebook ilmentaw u esprimew id-diżapprovazzjoni tagħhom.
Wieħed mill-istudenti qal: “Triduna nibdew mill-ġdid minħabba l-iżbalji tagħkom?”. Studenta oħra staqsiet “Intom taċċettaw applikazzjonijiet tard? Le; mela għalfejn għandna naċċettaw li tibdlulna l-gruppi u t-timetables daqshekk tard?”
L-istudenti ilmentaw li bit-tibdil hemm min se jkun tilef numru ta’ lezzjonijiet filwaqt li oħrajn ilmentaw li bit-tibdil se jaffettwa wkoll l-għalliema li l-gruppi diġa’ kellhom assenjati magħhom għal skopijiet ta’ assignments.
Ħafna mix-xogħol f’dan l-istitut isir fi gruppi u diversi studenti diġa’ kienu bdew jgħaqqdu l-gruppi rispettivi tagħhom, madanakollu bit-tibdil, kellhom jinbidlu l-pjanijiet.
Jumejn wara li l-istudenti ilmentaw għal dan it-tibdil, l-istitut kiteb, f’post uffiċjali fuq Facebook, li l-istudenti għandhom jiktbu b’mod li jġibu rispett. “Lingwaġġ aggressiv juri nuqqas ta’ assertività”.
L-istitut qal li l-lingwaġġ tal-istudenti meta jikkritikaw għandu jkun “b’mod li jixhed li l-istudenti huma miftuħin għad-djalogu.”
//= $special ?>