Il-President taċ-Ċina Xi Jinping ingħata laqgħa ċerimonjali mir-Reġina Eliżabetta waqt l-ewwel jum taż-żjara uffiċjali tiegħu fir-Renju Unit li se ddum sa nhar il-Ġimgħa.
Il-Prim Ministru Britanniku David Cameron kien fost dawk preżenti għaċ-ċerimonja ta’ merħba uffiċjali qabel Xi Jinping u martu, Peng Liyuan, ħadu sehem f’purċissjoni bil-karozzella minn The Mall għall-Palazz ta’ Buckingham, f’Londra.
Il-Ministri tar-Renju Unit qed jistennew li f’din iż-żjara jintlaħqu l-ekwivalenti ta’ 30 biljun sterlina fi ftehim kummerċjali u għall-investiment. F’dawn il-jiem se jsiru wkoll taħditiet diretti bejn il-Prim Ministru Cameron u l-President taċ-Ċina.
Sadanittant, Xi Jinping għadu kemm ikkonkluda diskors lid-Deputati Parlamentari u l-Lords fil-Palazz ta’ Westminster.
Membri tal-grupp Anti-China Free Tibet u l-grupp Amnesty International organizzaw għadd ta’ protesti fl-inħawi ta’ The Mall biex iwasslu messaġġi speċifiċi għal waqt iż-żjara ta’ Xi Jinping. Hemm ukoll pressjoni biex ir-rekord taċ-Ċina dwar id-drittijiet umani jitressaq fuq il-mejda tat-taħditiet politiċi fir-Renju Unit; b’kelliema għall-Uffiċċju tal-Prim Ministru Britanniku mhuma jeskludu l-ebda possibbiltà.
Dawn il-kelliema, fil-fatt, irreferew għall-‘probabbiltà’ li r-rekord tad-drittijiet umani u t-theddida tal-attakki ċibernetiċi min-naħa taċ-Ċina jkunu trattati f’żewġ rounds ta’ taħditiet ‘intensivi’ li huma ppjanati f’Londra.
//= $special ?>