Lokali Parlament

Baġit nieqes minn opportunitajiet ta’ niċeċ ġodda għat-turiżmu

Id-Deputat Nazzjonalista Antoine Borg ikkritika li l-Baġit hu nieqes minn opportunitajiet ta’ niċeċ ġodda u setturi ġodda li jattiraw turisti ġodda u fi żminijiet differenti biex inkunu destinazzjoni awtentika. Baġit ukoll nieqes fl-investiment fil-prodott infrastrutturali.

Il-Kelliem dwar it-Turiżmu tkellem fil-Parlament dwar il-baġit ivvutat għat-turiżmu. Tkellem dwar kif it-turiżmu ftit snin ilu ngħata rakkantura li żammet il-pass tagħha sal-lum u kif wieħed għandu jkun sodisfatt ukoll bil-wasliet tat-turisti grazzi għal deċiżjonijiet li ttieħdu ħamsa u sitt snin ilu.

Issa rridu naraw kif fl-2015 nużaw ir-riżutati tajbin biex noħolqu mutur ieħor għall-industrija biex għaxar snin oħra nkunu qed nitkellmu fuq aktar suċċessi riżultat tad-deċiżjonijiet li jittieħdu llum.

Irridu naraw kif se niżviluppaw niċeċ ġodda wara li fl-aħħar snin stabbilixxejna livelli komuni tul is-sena kollha meta rnexxielna nillivellaw it-turiżmu fix-xhur kwieti. Osserva wkoll li l-Baġit hu nieqes fl-investiment fil-prodott infrastrutturali.

Esperjenza negattiva f’destinazzjonijiet importanti
Dwar il-preżenza ta’ Malta fi swieq barranin, Antoine Borg qal li kien hemm numru ta’ xhur fejn f’destinazzjonijiet importanti, l-uffiċċji tagħna kienu nieqsa mill-uffiċjali tagħna. Awgura li s-sena d-dieħla ma nerġgħux ngħaddu minn din l-esperjenza negattiva, u jkollna preżenza akbar ta’ Malta fi swieq importanti.

Id-Deputat Nazzjonalista staqsa dwar kif se jkun qiegħed jitqassam il-vot tal-MTA fir-rigward tal-marketing u fl-iżvilupp ta’ rotot ġodda biex insaħħu l-kompetittività ta’ pajjiżna fis-snin li ġejjin.

Appella wkoll lill-Gvern biex jaħdem fuq żvilupp ta’ skemi li jinċentivaw l-investiment fit-turiżmu biex jiżviluppaw il-prodott turistiku ta’ Malta.

Dwar it-taxxa fuq it-turiżmu, staqsa li kieku kienu żminijiet oħrajn diffiċli tal-ekonomija dinijija, x’kienu jkunu l-miżuri tal-Gvern fuq l-industrija tat-turiżmu.

Ikkritika li r-riżultati li ġejjin mill-Amerika minkejja l-ħatra ta’ Michelle Buttigieg, is-sieħba fin-negozju tal-mara tal-Prim Ministru, ma ssarrfitx f’aktar turisti. Semma wkoll ħatriet oħrajn li mhuma qed isarrfu xejn bħalma hu tal-eks-Chief of Staff tal-Ministru, u l-eks-Ministru Soċjalista Joe Grima bħala envoy speċjali tal-Gvern fit-turiżmu.

Xejn ippjanat għal Għawdex
Dwar Għawdex, Antoine Borg qal li m’hemm xejn ippjanat biex tissaħħaħ il-kompetittività u l-prodott turistiku. Il-konnettività għandha tkun ukoll b’sorsi oħrajn ta’ konnettività bħalma hu mill-Ajruport sa Għawdex. L-uniku konnettività ppjanata hi dik ta’ gvern preċedenti marbuta mat-tunnel bejn Malta u Għawdex.

Dwar l-ITS qal li s-sena li għaddiet kienet waħda mill-aktar diżastruża u esprima t-tama li din is-sena akkademika ġdida tkun aħjar. Dwar iċ-ċaqliq tal-ITS lejn Smart City semma li m’hemmx vot ivvutat biex isir dan.