Id-Deputat Nazzjonalista Kristy Debono appellat lill-Gvern ifassal studju serju dwar kemm pajjiżna jiflaħ turisti u li jkun hemm impenn serju biex jitħarsu l-interessi tar-residenti f’zoni turistiċi.
F’settur importanti bħal dan, l-indikazzjonijiet juru li dan is-settur se jkun qed ikompli jikber u appellat għal statistika aktar dettaljata hekk kif irrimarkat li flimkien mal-Irlanda, f’Malta jinġabru lanqas ċifri u statistiċi. Appellat biex Malta tħares ukoll lejn l-istatistika li tinġabar mill-Eurostat biex ikollna bażi tajba fuq xiex jittieħdu d-deċiżjonijiet għall-futur tal-industrija.
Id-Deputat Nazzjonalista tkellmet ukoll dwar il-ħtieġa ta’ pjan ħolisitku u ċar għall-20 u t-30 sena li ġejjin. Staqset jekk għandniex biżżejjed sodod f’kull kategorija, jekk il-bajjiet humiex biżżejjed, jekk it-toroq humiex sodisfaċenti għall-influss ta’ turisti, u jekk għandniex biżżejjed studenti li se jkunu l-ħaddiema ta’ għada fl-industrija tat-turiżmu hekk kif pajjiżna miexi lejn iż-żewġ miljun turist. Staqsiet ukoll kif iż-żieda ta’ turisti se jkunu akkomodati fil-lukandi u x’alternattivi hemm għall-400 sodda li mhux se jibqgħu joperaw minħabba proġetti.
Taxxa fl-aqwa żminijiet tat-turiżmu
Tkellmet ukoll it-taxxa l-ġdida fuq it-turiżmu. Kristy Debono fissret li hemm diversi mistoqsijiet li għandhom ikunu mwieġba. Għalfejn il-Gvern ħass il-ħtieġa li jimplimenta taxxa fl-aqwa żminijiet tal-industrija, kif se tiġi amministrata u x’se tkun il-point of collection ta’ din it-taxxa.
Dwar il-fond li se jtwaqqaf għal din it-taxxa, staqsiet min u kif se jiġi amministrat. Saħqet li bil-fond għandu jitwettaq investiment biex is-settur isir aktar kompetittiv u għal investiment biex l-ambjent tar-residenti f’zoni turistiċi jitjieb.
Inħarsu l-interessi tar-residenti f’zoni turistiċi
Dwar ir-residenti fiz-zoni turistiċi, Kristy Debono qalet li r-residenti qegħdin iħallsu prezz qares għas-suċċess ta’ pajjiżna fit-turiżmu u jeħtieġ li nħarsu l-interessi ta’ dawn ir-residenti f’zoni turistiċi.
Semmiet il-problema tas-Swieqi fejn ir-residenti qed isofru minn għadd ta’ inkonvenjenzi, qed iħossuhom priġunieri f’darhom stess anke b’żieda fil-kriminalità. Filwaqt li appellat biex tiżdied is-sigurtà f’dawn iz-zoni, Kristy Debono staqsiet jekk il-Gvern hux beħsiebu jinvesti aktar f’zoni turistiċi u jalloka aktar Pulizija f’dawn iz-zoni u jniedi l-kunċett ta’ tourist police li l-Gvern kien wiegħed aktar minn sena ilu.
Dwar l-investiment fil-bini l-ġdid tal-ITS, Kristy Debono qalet li l-Oppożizzjoni tilqa’ dan l-investiment. Fissret li dan hu l-ewwel baġit li ħabbar investment fl-ITS mill-eks-Ministru Micahel Refalo. Talbet lill-Gvern għal aktar dettalji u kif se jkun hemm titjib maniġerjali għal dan l-istitut.
Appellat għal investiment ta’ kwalità u ta’ eċċellenza fl-industrija tat-turiżmu.
//= $special ?>