Id-dibattitu dwar is-settur tat-turiżmu kien wieħed matur b’diversi punti validi u li għandu jkun mudell dwar kif għandha ssir diskussjoni fil-Parlament f’setturi oħrajn.
Sostna dan il-Ministru tat-Turiżmu Edward Zammit Lewis fl-introduzzjoni tad-diskors tiegħu li bih għalaq id-dibattitu fil-Parlament dwar l-estimi finanzjarji tal-Ministeru tat-Turiżmu. Edward Zammit Lewis qal li kuntrarju għal dak li qal il-Kap tal-Oppożizzjoni, it-turiżmu ma żdiedx biss minħabba d-deċiżjoni li ttieħdet fl-2007, iżda wkoll grazzi għal ħidma li saret minn amministrazzjonijiet differenti, l-awtoritajiet u l-operaturi fis-settur.
Il-Ministru tat-Turiżmu qal li s-settur tal-cruise liners għaddej minn perijodu tajjeb ħafna tant li hi proġettata żieda ta’ 200,000 passiġġier li se jkunu żaru Malta sal-aħħar tas-sena meta mqabbel mal-2013. Hu saħaq dwar il-bżonn ta’ infrastruttura aħjar fil-Port il-Kbir u li jkun hemm sforz ikbar biex jiżdied il-home porting, li jġib miegħu iktar vantaġġi ekonomiċi.
Dwar l-Istitut għall-Istudji Turistiċi, Edward Zammit Lewis qal li dan hu proġett ta’ suċċess li nbeda fi żmien Gvern Nazzjonalista iżda maż-żmien, il-mudell ma baqax kurrenti għax beda jagħfas iktar fuq l-element ta’ skola u ma baqax daqshekk viċin tal-industrija. Dwar il-proġett tal-ITS fi Smart City, Zammit Lewis qal li dan hu żvilupp state of the art li hu wkoll importanti għall-valur simboliku li se jsir fin-Nofsinhar ta’ Malta
Il-finanzjament tal-proġett hu li jkun hemm Special Purpose Vehicle bħal Malita Investments li ffinanzjat il-proġett tad-daħla tal-Belt.
Dwar il-kontribuzzjoni ambjentali, il-Ministru qal li diversi pajjiżi fl-Ewropa daħħlu din il-miżura b’ammonti ferm ogħla minn dik Maltija. Din għandha tidħol f’mument meta l-industrija hija b’saħħitha u li ma tkunx projbittiva li twassal biex tgerrex it-turisti. Se ssir konsultazzjoni wiesa’ dwar il-ġbir u li ma tpoġġix piż amministrattiv fuq l-operaturi. Il-flus se jkunu ring-fenced speċifikament għal proġetti ta’ tisbiħ.
Il-Ministru tkellem ukoll dwar il-qasam tal-konferenzi u qal li l-eks Chief of Staff tiegħu Edward Zammit hu wieħed mill-aħjar operaturi u qal li m’għandux ikun penalizzat għax għamel żmien bħala Chief of Staff tiegħu.
Dwar l-avjazzjoni, Edward Zammit Lewis qal li hemm relazzjoni diretta bejn investiment fir-rotot u l-influss tat-turisti. Matul din is-sena, sitt linji tal-ajru bdew jaħdmu rotot lejn Malta jew żiedu l-frekwenzi ta’ ċertu rotot eżistenti filwaqt li l-Air Malta tat impenn li tħaddem l-istess rotot minkejja li se tkun b’inqas ajruplani. Rigward l-Air Malta, il-Ministru tat-Turiżmu qal li minkejja li s-sena d-dieħla mistennija tkun fuq saqajha, xorta se tibqa’ l-ħtieġa ta’ sieħeb strateġiku. Dan minħabba economies of scale li l-Air Malta qatt ma tista’ tikseb waħedha.
Il-Gvern għandu jattira turiżmu Halal – id-Deputat Joe Farrugia (PL)
Filwaqt li għandu jibqa’ jħares lejn is-swieq ewlenin tal-Italja u r-Renju Unit – li bejniethom – huma 45% tat-turisti li jiġu Malta, il-Gvern għandu jaħdem biex ikompli jiftaħ swieq ġodda, u wieħed minn dawn is-swieq għandu jkun it-turiżmu Halal li jattira turisti Iżlamiċi.
Id-Deputat Laburista Joe Farrugia tenna dan waqt li kien qed jieħu sehem fid-dibattitu dwar l-estimi finanzjarji għall-Ministeru tat-Turiżmu. Farrugia qal li bħalma s-sena li għaddiet, il-Gvern ħadem fuq finanzi Iżlamiċi, u l-pass li jmiss hu li jkun attirat it-turiżmu Iżlamiku.
Hu kompla li Halal mhux biss prodotti iżda wkoll servizzi, fosthom servizzi ta’ lukanda fejn per eżempju jkun hemm spa u swimming pools li jkunu separati għall-irġiel u n-nisa. Farrugia qal li jkun ta’ ġid għal Malta kienu jsir investiment f’lukanda Halal, possibilment b’finanzjament Iżlamiku.
Għandu jsir inventarju tal-wirt storiku fin-Nofsinhar ta’ Malta – Silvio Parnis (PL)
Id-Deputat Laburista Silvio Parnis qal li għandu jkun hemm inventarju tal-wirt storiku fin-Nofsinhar ta’ Malta. Fid-diskors tiegħu, Silvio Parnis qal li hemm konċentrazzjoni ta’ wirt storiku fin-Nofsinhar ta’ Malta li ftit li xejn in-nies jafu dwarhom u għaldaqstant hemm potenzjal kbir għat-turiżmu fin-Nofsinhar ta’ Malta. Madanakollu, minħabba n-nuqqas ta’ stabbilimenti ta’ akkomodazzjoni, il-maġġoranza kbira ta’ viżitaturi huma day-trippers
Bħala chairman tal-Kunsill Konsultattiv għan-Nofsinhar ta’ Malta, Silvio Parnis irringrazzja lill-Ministru Edward Zammit Lewis li jikkonsidra lill-kunsill bħala stakeholder ewlieni fil-laqgħat ta’ konsultazzjoni. Hu qal li t-turiżmu joħloq opportunitajiet ta’ xogħol diretti u indiretti. Hu qal li l-Kunsill Konsultattiv laqa’ baġit tal-Gvern li qed jibni fuq dak ta’ qablu fejn qed jagħti priorita’ lir-riġenerazzjoni tan-Nofsinhar ta’ Malta.


