Ninsabu f’mument fejn irridu nuru xi tfisser verament l-Ewropa. Mument deċiżiv fejn jew nirrassenjaw ruħna, inkella we stand up to be counted u ningħaqdu – minflok kulħadd jieħu d-deċiżjonijiet għal rasu – biex verament insibu soluzzjoni għall-isfidi u l-problemi tal-immigrazzjoni irregolari li qed iħabbat wiċċu magħhom il-kontinent”
Kliem il-Kap tal-Oppożizzjoni u tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil meta indirizza l-Kungress tal-Partit Popolari Ewropew (PPE) li beda jiltaqa’ fil-kapitali Spanjola Madrid.
Kungress li fih qed jieħdu sehem madwar 3,000 parteċipant fosthom 750 delegat, 14-il Kap ta’ Stat jew Gvern tal-UE u ta’ pajjiżi minn barra l-Unjoni, kif ukoll 11-il Kummissarju Ewropew differenti.
Simon Busuttil beda d-diskors tiegħu billi qal li kellha tkun għal darba oħra kriżi biex l-Ewropa turi verament xi tfisser – il-kriżi tal-immigrazzjoni irregolari bil-mewġa bla preċedent ta’ immigranti li ffaċċjaw l-istati tal-Unjoni Ewropea fl-aħħar ġimgħat u xhur.
“F’dawn il-mumenti niġu ffaċċjati b’għażla ċara – bejn li naġixxu waħidna jew inkella li ningħaqdu u nieħdu azzjoni flimkien. Bejn li nerġgħu nifirdu lill-pajjiżi billi ntellgħu l-fruntieri jew li nuru li l-Ewropa tfisser xi ħaġa” qal Simon Busuttil fid-diskors tiegħu.
F’dawn iċ-ċirkostanzi, spjega l-Kap tal-PN, irridu nistaqsu lilna nfusna kemm aħna lesti li niffaċċjaw dawn l-isfidi, u jekk irridux li nibqgħu mfakkra fl-istorja tal-għaqda Ewropea bħala ġenerazzjoni ta’ mexxejja Ewropej li kienet kapaċi taġixxi, inkella ġenerazzjoni li qatgħet qalbha u rrassenjat ruħha.
“Ma nistgħux u m’għandniex nirrassenjaw ruħna”, sostna Simon Busuttil. “Irridu nuru li aħna kapaċi nilqgħu b’mod effettiv kemm għal dak li qed jikkawża l-immigrazzjoni kif ukoll għall-konsegwenzi ta’ dan il-fenomenu.”
Il-Kap tal-PN fakkar li quddiem il-mument tal-prova, il-Partit Popolari Ewropew kien dejjem hemm biex juri t-triq ’il quddiem u biex jieħu l-aktar deċiżjonijiet importanti li l-Unjoni Ewropea kellha bżonn.
“Dan huwa dak li jagħmel lill-familja politika tagħna differenti minn ħaddieħor. Dan huwa dak li ċ-ċittadini tagħna jistennew mingħandna. U din hija r-raġuni għalfejn jafdaw lilna biex immexxuhom fl-Ewropa” qal Simon Busuttil.
“Reġa’ wasal il-mument”, temm jgħid Simon Busuttil, “li nerġgħu nieħdu r-riedni f’idejna biex immexxu. Diġà għamilna dan fl-imgħoddi, u nistgħu nerġgħu nagħmluh b’suċċess issa wkoll.”
//= $special ?>