Lokali Parlament

Gvern li għandu minn xiex jistħi

Dan hu Gvern li għandu minn xiex jistħi quddiem il-wegħdi li għamel lill-poplu fuq it-toroq u t-trasport pubbliku u għandu jagħmel apoloġija għat-tbatija li l-poplu qed jgħaddi minnha fil-problemi tat-traffiku.

Id-Deputat Nazzjonalista Toni Bezzina għamel din id-dikjarazzjoni fil-Parlament waqt id-diskussjoni dwar il-baġit ivvutat għall-Ministeru għat-Trasport u l-Infrastruttura.

Fisser li l-Partit Laburista wiegħed servizz aħjar u b’aktar rotot, u li mhux se jagħmel żbalji bħal ħaddieħor. Iżda hu ċar li dawn kienu wegħdiet fiergħa meta l-prezzijiet tan-nolijiet għat-trasport pubbliku għolew.

Fejn qabel biljett ta’ ġimgħa kien jiswa €6.50, illum għola għal €21. Żdied ukoll il-biljett ta’ ġimgħa għal turist li kien jiswa €12 u llum tela’ għal €21.

L-Oppożizzjoni lesta tagħti kontribut biex jissolvew il-problemi tal-lum
Toni Bezzina semma wkoll rotot jinqabżu, sussidju ogħla, kuluri differenti għall-karozzi u ħafna aktar nuqqasijiet mill-kuntrattur bil-passiġġieri jkomplu jħallsu aktar u l-kuntratt mal-operatur sal-lum għadu moħbi. Iddikjara għal darba oħra li l-Oppożizzjoni lesta tagħti kontribut biex jissolvew il-problemi tal-lum.

Għalkemm dan il-Gvern wiegħed prijorità lis-sitwazzjoni tat-traffiku, sentejn u nofs wara rriżulta li din il-prijorità tħalliet fuq l-ixkaffa. Id-Deputat Nazzjonalista ddeskriva l-mini ta’ Ħal Kirkop bħala trabokk bit-traffiku.

Ir-riforma fit-trasport pubbliku falliet bil-kbir
Fakkar li f’Jannar ta’ qabel l-elezzjoni l-Prim Ministru kien qal li se jkun qed iħabbar pjan għat-traffiku. Il-falliment ta’ dan il-Gvern hu n-nuqqas ta’ fiduċja li hawn illum fir-riforma suppost imwettqa fit-trasport pubbliku li falliet u falliet bil-kbir.

Fakkar fil-kampanja distruttiva li saret meta l-Gvern preċedenti beda jimplimenta r-riforma fit-trasport pubbliku. Illum, sentejn u nofs wara li l-Partit Laburista ħa t-tmexxija tal-pajjiż, ir-roadmap li ftaħar biha ma ssarrfet f’xejn.

Falliment li ġabu l-PL mill-Oppożizzjoni
It-triq tal-falliment fis-servizz tat-trasport pubbliku ġabha l-Partit Laburista mill-Oppożizzjoni u komplieha kemm ilu fil-Gvern. Ir-roadmap mhux tilifha iżda wera li qatt ma kienet għandu, qal Toni Bezzina, li sejjaħ il-propaganda tal-Ministru Joe Mizzi eżerċizzju ta’ double standards meta llum qiegħed jinsisti li se jibqa’ hawn, u mhux se jagħmel bħalma kien qal meta l-partit tiegħu kien fl-Oppożizzjoni meta ppreżenta mozzjoni kontra l-Ministru ta’ dak iż-żmien.

B’kuntrast mal-pożizzjoni li ħadet l-Oppożizzjoni Laburista fi żmien il-Gvern preċedenti, illum l-Oppożizzjoni Nazzjonalista se tkun qed tistudja s-soluzzjonijiet biex hekk kif tkun fil-Gvern, tibda timplimenta dak li tkun ippreparat.