Internazzjonali

IL-BANK DINJI:Tbassir ta’ aktar roħs fil-prezz taż-żejt

Skont l-aħħar rapport mill-Bank Dinji, qed ikun imbassar li l-prezz taż-żejt se jkompli jorħos.
Fir-rapport ‘Commodity Markets Outlook’, il-Bank Dinji ħabbar li għamel reviżjoni tal-prezz minħabba diversi fatturi fix-xena internazzjonali u minn prezz ta’ 57 dollaru kull barmil niżel għal 52 dollaru kull barmil.
Ir-reviżjoni hi effettwata minn aktar tnaqqis tal-iżvilupp ekonomiku internazzjonali partikolarment miċ-Ċina imma anke għaliex hu mistenni li minn ġurnata għal oħra l-Iran se jerġa’ jibda jesporta ż-żejt wara li jitneħħew is-sanzjonijiet internazzjonali li kien hemm. Dan hekk kif fid-dinja hawn provvista akbar mit-talba għaż-żejt.
Ir-rapport tal-Bank Dinji bassar li l-prezz tal-enerġija fl-2015 se jkun 43 fil-mija anqas milli kien fl-2014.
Ir-rapport qal li hu mistenni li l-prezz taż-żejt idum baxx għal perjodu twil, aktarx għal xi snin.