Id-Deputat Nazzjonalista Charlò Bonnici appella lill-Gvern biex dak li wiegħed lill-poplu biex ħa l-poter f’idejh, iwettqu mill-aktar fis possibbli.
Charlò Bonnici tkellem dwar it-toroq, it-trasport u t-traffiku meta fil-Parlament iddibatta l-vot li jaqa’ taħt il-Ministeru għat-Trasport u l-Infrastruttura.
Fisser li l-poplu hu rrabjat għas-sitwazzjoni fit-toroq għaliex illum ma teżisti ebda roadmap għat-toroq u t-traffiku, bil-Ministru Joe Mizzi jammetti llum li għad irid jiddiskuti u jagħmel il-pjani tiegħu biex jindirizza l-problemi fit-toroq u tat-traffiku.
Waħda mis-soluzzjonijiet hi infrastruttura adegwata għat-toroq
Semma li waħda mis-soluzzjonijiet hi infrastruttura adegwata għat-toroq. Filwatq li semma l-proġett tat-Ten-T li bena infrastruttura fl-arterji ewlenin tat-traffiku, qal li mhux ġust li l-Gvern jgħid li ma sar xejn fl-infrastruttura tat-toroq.
Semma l-lokalità ta’ Ħ’Attard u kif kieku sar il-proġett tal-bypass li tgħaqqad għall-Imrieħel, is-sitwazzjoni fil-lokalità ma kinitx tkun staġnata kif inhi llum filwaqt li spjega li dak il-proġett kien vittma ta’ prijoritajet oħrajn.
Appella biex mill-kliem nibdew ngħaddu għax-xogħlijiet waqt li rrimarka li x-xogħlijiet fit-toroq iridu jsiru fil-ħinijiet kollha tal-ġurnata u bi prattiċi ġodda.
Tkellem dwar soluzzjonijiet immedjati u staqsa x’se jiġri mill-ismart traffic management system li minkejja li kienet imwiegħda sena ilu, għadha ma smajna xejn u ma daħlitx fis-seħħ.
Toroq qed idumu magħluqa għal ħafna xhur
Semma l-problema ta’ toroq li jdumu magħluqa għal ħafna xhur b’konsegwenza li t-traffiku jkollu jgħaddi mnn toroq oħrajn li joħolqu aktar konġestjoni. Appella għal aktar kordinament bejn il-gvern ċentrali u l-kunsilli lokali.
Il-Gvern ukoll qed jammetti li falliet it-tax rebate lill-ġenituri biex ma jwasslux huma t-tfal, u talab lill-Gvern jattwa l-proposta tal-Oppożizzjoni għal trasport lill-iskejjel indipendenti u tal-Knisja.
Fakkar fl-iskema ta’ car pooling li tħabbret is-sena l-oħra għal ġenituri li jwasslu t-tfal fl-iskejjel, u rrimarka li f’sena ma smajna xejn u llum intqal li se tibda diskussjoni simili għal trasport għall-ħaddiema fil-fabbriki.
Semma wkoll l-użu tar-roti għal vjaġġar mhux fit-tul, u qal li hemm lok għal proġett għal lanes li joffru sigurtà fit-toroq għal min juża r-rota. Appella għal kampanja ta’ edukazzjoni fl-użu aktar ta’ muturi flok karozzi.
L-effiċjenza fit-trasport pubbliku hi s-soluzzjoni
Is-soluzzjoni hi effiċjenza fit-trasport pubbliku li ma rajniex minkejja ż-żieda qawwija fis-sussidju.
Irrimarka li l-poplu għad m’għandux fiduċja fis-servizz tat- trasport pubbliku jekk irridu li naslu għal xi forma ta’ soluzzjoni.
Appella li jekk nintroduċu skema, din tibda bi prova u li jkun hemm studju dwar ir-riżultati tagħha.