Lokali Parlament

Il-Gvern sar irrilevanti quddiem il-problemi fit-traffiku u t-trasport pubbliku

Id-Deputat Nazzjonalista Kristy Debono kkritikat lill-Gvern li sar irrilevanti quddiem il-problemi fit-traffiku u t-trasport pubbliku.

Fid-dibattitu tal-Baġit dwar il-Ministeru għat-Trasport u l-Infrastruttura, Krtisty Debono qalet li l-Gvern qed jitlob wisq mill-Parlament meta se jivvota u japprova estimi li minnhom ftit li xejn hemm riżultati. Se nkomplu narmu l-flus bla ma nieħdu xejn lura.
Fissret li l-Gvern hu l-problema fis-settur tat-traffiku u fit-trasport pubbliku, u aktar ma jitkellem aktar qed jirrabja nies. Flok isolvi l-problema aktar qed jikkumplikaha.

Staqsiet xi studji għandu l-Gvern fuq il-proposti ta’ mini taħt l-art u xi spejjeż se jinvolvu. Filwaqt li rriferiet għall-proposta oħra tal-Gvern li jikkunsidra l-użu tar-roti u jinċentivah fejn iħallas għal kull kilometru li jsir bir-rota, appellat għal pjan ħolisitku ta’ network għall-użu tar-roti. Staqsiet jekk il-Gvern hux lest jagħti tokens jew vouchers b’xejn għat-trasport pubbliku biex ibiddel il-kultura tal-ivvjaġġar, u jekk hux se jkun hemm l-inċentiv ta’ użu ta’ trasport pubbliku b’xejn f’ħinijiet li fihom qed nesperjenzaw problemi kbar fit-traffiku.

Staqsiet ukoll jekk il-Gvern hux se jintrabat li jlesti x-xogħlijiet fit-toroq fil-ħin, u kif se jkun hemm investiment f’toroq alternattivi għat-traffiku, bħalma hi r-rotta bejn San Ġwann u s-Swieqi.

Dwar is-servizz tat-trasport pubbliku, il-kelliema tal-Oppożizzjoni staqsiet jekk il-Gvern hux se jobbliga lill-kumpanija Spanjola tinvesti f’sistema ta’ informatika għall-gwadann tal-pubbliku li jużah.

Il-Maltin iridu tweġibiet u azzjoni
Il-Maltin iridu tweġibiet u azzjoni immedjata li jħallu riżultati għaliex in-nies ma jistgħux ikomplu jbatu mill-problemi fit-toroq u fit-traffiku. Iridu soluzzjonijiet maħsuba u mwettqa, u mhux biss pjani fuq il-karta.

Id-Deputat Nazzjonalista temmet l-intervent tagħha tisħaq li huma n-nies li qed jispiċċaw iħallsu għall-inkompetenza tal-Gvern u għan-nuqqas ta’ pjan għat-trasport pubbliku.