Internazzjonali

Il-Kanada se twaqqaf l-attakki kontra l-ISIS

Hekk kif kien elett bħala l-Prim Ministru l-ġdid tal-Kanada, Justin Trudeau kkonferma li kien se jwaqqaf l-attakki mill-ajru Kanadiżi kontra l-ISIS fis-Sirja u l-Iraq.
L-ajruplani Kanadiżi huma parti mill-koalizzjoni internazzjonali mmexxija mill-Istati Uniti li ilha twettaq attakki mill-ajru f’dawn iż-żewġ pajjiżi għal aktar minn sena.
Trudeau qal li hu kien diġà informa lill-President Barack Obama b’din id-deċiżjoni għalkemm ma tħabbritx id-data meta se jkunu rtirati l-ajruplani.
Sadattant, hemm tħassib fil-Gvern Amerikan fost indikazzjonijiet li hemm min fi ħdan il-Gvern tal-Iraq li qed jitħajjar jitlob għajnuna militari Russa fuq l-istess tip li bħalissa qed tingħata lis-Sirja. Il-milizzji Xiiti fl-Iraq ukoll qed iħeġġu lill-Prim Ministru Haider al-Abadi, tal-Iraq, biex jagħmel talba lil Moska biex jibdew iwettqu attakki mill-ajru fl-Iraq ukoll kontra l-ISIS li jikkontrollaw partijiet kbar tal-pajjiż.
Dan hekk kif għall-ewwel darba f’dawn l-aħħar erba’ snin ta’ kunflitt fis-Sirja, il-President Sirjan telaq minn pajjiżu u mar Moska fejn iltaqa’ mal-President Russu Vladimir Putin.
L-aħbar taż-żjara ngħatat biss wara li kienet intemmet iż-żjara.
Assad mar personalment Moska biex jirringrazzja lil Putin għall-għajnuna militari li qed jagħti lill-Gvern Sirjan permezz ta’ ajruplani militari li ntbagħtu biex jattakkaw lill-ISIS u gruppi ribelli oħra fis-Sirja.
Assad kien Moska t-Tlieta filgħaxija imma kien biss l-Erbgħa filgħodu, meta hu kien lura Damasku, li ngħatat l-aħbar u nħarġu l-filmati u r-ritratti.