Kunsilli Lokali Lokali

Il-Kunsill Lokali tas-Siġġiewi se jieħu passi fil-Qorti biex jikseb li bi dritt hu tas-Siġġiwin kollha

Il-Kunsill Lokali tas-Siġġiewi se jieħu l-passi kollha meħtieġa biex il-bini kollu taċ-Ċentru Ċiviku tas-Siġġiewi jkun fil-pussess tiegħu skont ftehim ta’ kera li l-Kunsill Lokali tas-Siġġiewi għandu mal-Gvern ċentrali.

Dan kien deċiż ilbieraħ waqt laqgħa tal-Kunsill li ddiskutiet l-encroachment tal-Każin tal-Partit Laburista fiċ-Ċentru Ċiviku, li ġie estiż mill-Gvern Laburista.

Il-propjeta’ mikrija mill-Gvern lill-Kunsill Lokali tas-Siġġiewi tinkludi l-parti li qed tintuża bħala encroachment mill-Partit Laburista bħala każin politiku għal dawn l-aħħar ħames snin u ilha mikrija lill-Kunsill sa mit-twaqqif tieghu fl-1994.

Is-Sindku tas-Siġġiewi, Karol Aquilina, spjega li l-Kunsill se jkollu jirrikorri għall-Qorti biex jikseb lura l-propjeta’ li diġa’ hija mikrija lilu iżda li l-Partit Laburista qiegħed jirrifjuta li jiżgombra minnha.

Is-Sindku spjega li huwa inaċċettabbli li l-Gvern aġixxa b’mod sigriet, abbużiv u illegali meta ta lill-Partit Laburista propjeta’ li bi dritt hija tal-Kunsill Lokali u tal-poplu tas-Siġġiewi.

Id-deċiżjoni ttieħdet fil-kuntest tat-tnedija tat-tieni fażi tal-proġett taċ-Ċentru Ċiviku tas-Siġġiewi li se tinkludi
Ċentru ta’ matul il-lejl, Ċentru tar-Riżorsi għall-Komunita’ nkluż l-għaqdiet tas-Siġġiewi, aktar spazji fejn jistgħu jingħataw korsijiet edukattivi u librerija pubblika.

Tnejn mit-tliet kunsillieri Laburisti ivvotaw kontra ir-riżoluzzjoni biex il-kunsill lokali imur fil-Qorti biex jieħu lura ċ-ċentru ċiviku għall-ġid tal-komunita’ kollha. It-tielet kunsillier elett f’isem il-Partit Laburista ma kienx preżenti għall-laqgħa.