It-taxxa mħabbra fil-Baġit fuq it-turiżmu tista’ tagħmel biss ħsara u l-argument li kien hemm qabel li kienet ħażina għadu hemm. Se jkunu biss 40% tat-turisti li jiġu Malta li se jkunu qed iħallsuha.
Id-Deputta Nazzjonalista Robert Arrigo spjega dan fid-dibattitu dwar il-baġit tal-Gvern għat-turiżmu hekk kif appella biex it-taxxa fuq it-turiżmu tiddaħħal mill-1 ta’ Novembru tas-sena d-dieħla u mhux mill-bidu ta’ Jannar.
Robert Arrigo qal li l-2015 kienet kif kien mistenni, l-aktar sena tajba għall-industrija b’turisti li jlaħħqu 1.8 miljun. Irrimarka iżda li fl-aħħar ta’ Ġunju u f’Lulju beda jinħass nuqqas iżda s-sitwazzjoni fil-Greċja u f’Tuneż biddlet ix-xenarju kollu u wasslet biex l-aħħar sitt xhur ikunu l-aqwa xhur ta’ din is-sena.
Il-Greċja se tidħol sew bħala destinazzjoni turistika
Ġibed l-attenzjoni tal-Gvern li fl-2016 il-Greċja se tidħol sew bħala destinazzjoni u se tkun kompetitur tajba għal Malta.
Dwar l-Air Malta, id-Deputat Nazzjonalista qal li ma kien hemm xejn miktub fil-Baġit u talab lill-Gvern biex jagħti l-informazzjoni dwar il-futur tal-linja nazzjonal tal-ajru.
Staqsa jekk ir-rotot lejn Manchester u Dusseldorf hux se jispiċċaw u jekk fuq ir-rotta ta’ Katanja hemmx xi low cost li se jidħol f’din ir-rotta s-sena d-dieħla, u jekk iva hemmx xi postijiet oħrajn li se jitwaqqfu minħabba t-telf ta’ din ir-rotta.
Fil-kuntest ta’ dak li tħabbar li t-telf fl-Air Malta se jinżel għal €4 miljun, staqsa jekk hux il-mument li m’għandniex bżonn sieħeb strateġiku għax jekk ġej il-bnazzi l-Air Malta kapaċi tibqa’ għaddejja kif inhi.
Irrifera wkoll dwar l-impjiegi li dejjem jiddaħħlu fl-Air Malta u rrimarka li llum għad hemm min qed jaħdem b’sahra meta Chairperson qed tgħid li l-produttività tal-ħaddiema trid tiżdied.
Nuqqas ta’ investiment fil-prodott turistiku
Semma wkoll in-nuqqas ta’ investiment fil-prodott turistiku u tkellem dwar il-postijiet turistiċi li jeħtieġu attenzjoni minħabba t-telqa, l-abbandun u traskuraġni.
Dwar t-taxxa fuq it-turiżmu, filwaqt li qal li din kienet ikkunsidrata wkoll minn amminstrazzjoni preċedenti bl-MHRA kienet oġġezzjonat u ma saritx. Robert Arrigo qal li wara li nbidel il-Gvern dak li kien ħażin issa sar tajjeb.
Irrimarka li 30% tal-wasliet ta’ turisti ma jmorrux f’lukandi, 10% taħt it-18-il sena li ma jħallsux taxxa, u 20% jmorru f’akkomodazzjonijiet oħrajn. Staqsa għaliex qed jintaxxa 40% biss tat-turisti li jaslu pajjiżna u qal li dan mhux ġust u l-level playing field hi mħassra u mtebba.
Staqsa għalfejn il-familji li jżommu magħhom l-istudenti li jkunu għal vaganzi f’pajjiżna jridu wkoll iħallsu din it-taxxa b’mod li se jisfratta l-kunċett ta’ dħul għal dawn il-familji. Staqsa wkoll għalfejn se jkunu ntaxxati wkoll Maltin li jmorru f’lukandi f’Għawdex meta nafu li l-lukandi fix-xitwa jimtlew mill-Maltin.
Filwaqt li spjega li kumpaniji u operaturi fl-industrija diġà ffirmaw ħafna kuntratti u li jinkludi fihom it-taxxi kollha, Robert Arrigo qal li hu hawn fejn se jinħolqu problemi għall-operaturi li se tkun tfisser ukoll spiża li tista’ titla’ sa ewro.
Il-Prim Ministru żbaljat
Irrifera għal dak li qal il-Prim Ministru – dik li din it-taxxa mhix se tagħmel differenza lill-kompetittività. Id-Deputat Nazzjonalista qal li l-Prim Ministru hu żbaljat u Malta issa mhix se tibqa’ fl-ewwel paġni tal-Google, bit-taxxa se tkun qed tniżżel lil Malta b’żewġ jew tliet paġni ‘l isfel.
Din se tkun tfisser ukoll 4% mill-ħlas li jitolbu ċertu kategoriji ta’ lukandi għal bed and breakfast fix-xhur tax-xitwa.
Issuġġerixxa li d-data ta’ meta għandha tidħol din it-taxxa għandha tkun fl-1 ta’ Novembru tal-2016 biex ma jintmissux il-kuntratti li saru u qed isiru fil-preżent.
Nuqqas ta’ gwidi
Semma wkoll nuqqasijiet ta’ gwidi f’ċerti lingwi, u qal li ħafna minnhom huma f’età aktar minn 65 sena. Fisser li hawn nuqqas serju ta’ gwidi u l-ITS mhix qed toħroġ gwidi ġodda biex jindirizzaw is-swieq ġodda li żviluppaw fl-aħħar snin.