Ix-Shadow Minister Marthese Portelli fissret fil-Parlament li t-traffiku f’pajjiżna sploda u laħaq livelli inaċċettabbli wara li t-tliet miżuri li l-Gvern kien qed jaħdem fuqhom u li wiegħed lill-poplu, fallew u ma ħadmux.
Meta tkellmet illum waranofsinhar fid-dibattitu dwar il-baġit ivvutat għall-2016 lill-Ministeru għat-Trasport u Infrastruttura, ix-Shadow Minister għall-Ambjent, Enerġija u Trasport appellat lill-Gvern idaħħal miżuri immedjati fl-istess waqt li jaħdem fuq soluzzjonijiet oħrajn fit-tul.
Ix-Shadow Minister fissret li falliet il-wiegħda tal-Gvern Laburista li jassigura li ma jkunx hawn problemi tat-trafifku, għaliex fil-verità it-traffiku żdied. Ma sar xejn lanqas fil-wiegħda tan-National Strategic Mangement Plan u fil-unit li jikkordina x-xogħlijiet fit-toroq li tejjeb u jżid l-effiċjenza fit-toroq. F’sentejn u nofs it-traffiku tħalla għal triqtu u qed joħloq ħafna problemi fosthom dawk ta’ mobbiltà li qed jissarrfu f’nefqa akbar fuq il-pajjiż.
Semmiet ukoll kif il-Ministru tal-Finanzi fid-9 ta’ Novembru 2014, f’intervista mat-Times kien qal li l-Prim Ministru qabel li l-konġestjoni se tkun qed tfixkel it-tkabbir ekonmiku. Fissret li kien hemm żmien ta’ sena biex il-Gvern jaħseb kif se jindirizza din il-problema iżda ħaseb biss biex ma jraħħasx il-petrol u d-diesel.
Is-sussidju għat-trasport pubbliku ttrippla u s-servizz għadu ma tjiebx
Irrimarkat ukoll kif is-sena l-oħra l-Ministru kien ittrippla s-sussidju biex ikollna trasport pubbliku effiċjenti iżda sal-lum is-servizz għadu ma tjiebx. Minbarra t-€30 miljun f’sussidju, lill-kumpanija Spanjola ngħatat ukoll €114,333.70 biex saru servizzi ta’ surveying, bus shelters, spejjeż ta’ marketing u reklamar.
U wara li fil-baġit li għadda l-Gvern qal li se jimplimenta s-sistema l-ġdida tat-trasport pubbliku, ir-rotot se jiżdiedu, is-servizz se jkun aħjar, sena wara qed jammetti f’paġna 48 tal-Baġit, li dak ix-xogħol għadu ma sarx u għadu jaħdem fuqu. Sal-lum lanqas data m’hemm meta se tidħol fis-seħħ is-sistema ta’ rotot il-ġodda li suppost daħlu fit-13 ta’ Settembru li għadda.
Għad baqa’ wkoll min għadu jistenna ‘tallinja card’, cards difettużi u t-top-up fuq ‘tallinja card’ jidħol 48 siegħa wara.
Hemm ukoll rotot li qed jinqabżu, karozzi ma jgħaddux fil-ħin u jittardjaw b’aktar minn siegħa. Hemm ħafna wkoll passiġġiera li qed jibqgħu l-art għaliex m’hemmx biżżejjed karozzi u karozzi li qed ikunu mimlija sardin.
Kundizzjonijiet ħżiena għax-xufiera fit-trasport pubbliku
Tkellmet ukoll dwar il-kundizzjonijiet li fihom qed jaħdmu x-xufiera u saħqet li ħiniijet extra li x-xufiera qed jagħmlu għandhom jiġu kumpensati għalih. Quddiem dawn in-nuqqasijiet, saħqet ix-Shadow Minister, il-Ministru responsabbli qiegħed ifarfar, ma jivverifikax u joqgħod fuq il-kumpanija Spanjola.
Semmiet ukoll problemi li qed jiffaċċjaw il-persuni bdiżabbiltà fosthom it-twaqqif tas-sistema ta’ awdjo li kienet tinforma lill-passiġġieri bir-rotta ta’ fejn tkun waslet il-karozza tal-linja.
Dawn huma nuqqsijiet gravi li jsaħħu t-talba tal-Oppożizzjoni biex il-Gvern jippubblika l-ftehim dwar it-trasport pubbliku.
Marthese Porteli rriferiet għal dak li qal il-Prim Ministru tal-lum fl-2011, f’artiklu bit-titlu ‘Tilef ir-Rotta’, meta qal li l-pajjiż anke fil-qasam tal-immaniġġjar tat-traffiku għandu jkollu serjetà u li t-trasport pubbliku hu kruċjali għall-ekonomija tal-pajjiż. Kien qal li kien hemm bużullotti li jridu jinqatgħu.
Il-bużullotti ma nqatgħux u l-kbir għadu ġej
Ix-Shadow Minister ikkritikat lill-Prim Ministru li wara sentejn u nofs, il-bużullotti ma nqatgħux u l-kbir għadu ġej.
Għal dak li kien rappurtat li qal il-Prim li l-problema tat-traffiku mhix kwistjoni ta’ bini ta’ toroq ġodda, iżda li kulħadd jiddiskuti madwar mejda, Marthese Portelli rrimarkat li l-Gvern ilu jaħsibha sentejn u nofs biex jagħmel il-konsultazzjoni aħseb u ara kemm se jwettaq proġetti kbar li għad iridu jiġu studjati.
Ikkritikat ukoll li wara li għaddiet nofs il-leġislatura, il-Gvern wera li la għandu roadmap u lanqas pjan u agħar minnhekk lanqas għandu direzzjoni, bil-Gvern għadu qed jeżamina, jikkonsulta u jibqa’ ma jafx x’se jagħmel. Staqsiet x’inhu jżomm lill-Prim Ministru milli jeżamina l-proposti tal-Oppożizzjoni. Semmiet li l-uniku xogħol li tlesta hi l-konsultazzjoni fuq it-trakkijiet u ż-żwiemel, bil-gvern ukoll għad irid iħabbar id-deċiżjonijiet.
Proposti mill-Oppożizzjoni
Minbarra dak li diġà pproponiet l-Oppożizzjoni u l-ħidma li se tkun qed tagħmel biex tistudja s-soluzzjonijiet għall-problemi tat-traffiku, ix-Shadow Minister ippreżentat aktar ħsibijiet biex il-Gvern jikkunsidra, fosthom inċentivi lis-settur tan-negozju u lill-intrapriżi li jtaffu wkoll il-problema tat-traffiku. Appellat ukoll għal parking management system għall-ħaddiema u sħubija mal-privat biex jiġi inċentivat il-mixi u użu aktar tar-rota.
Il-Gvern irid jagħti l-eżempju u staqsiet jekk il-Gvern hux lest jinvesti fil-ħaddiema tiegħu stess qabel ma jistenna l-ewwel mill-privat.
Il-Gvern għandu jagħfas aktar lill-kuntrattur li qed iħaddem is-servizz tat-trasport pubbliku u parti mis-sussidju li qed jaġħti lill-kuntratttur jinvestih fit-trasport għall-ħaddiema tal-Gvern. Ippreżentat fuq il-Mejda tal-Kamra ritratti li juru xogħlijiet fit-toroq li ilhom li bdew sa minn Marzu ta’ din is-sena u fejn għad hemm diżastru.
Appell lill-Gvern jieħu s-settur aktar b’serjetà
Ikkritikat ukoll li fil-baġit il-Gvern semma biss żewġ proġetti pilota biex tiġi indirizzata l-problema ta’ nuqqas ta’ parkeġġ – il-Mosta u Wied il-Għajn – bil-Gvern jinsa lokalitajiet oħrajn bi problemi kbar bħalma hu San Pawl il-Baħar.
Irriferiet għall-argument tal-Gvern li ma jraħħasx il-petrol u d-diesel biex ma jiżdidx it-traffiku u staqsiet jekk dan ifissirx li minn Jannar li ġej it-traffiku se jisparixxi.
Ikkritikat ukoll il-fatt li mis-67 miżura mill-baġit tas-sena l-oħra, implimenta minnhom 20 biss.
Appellat lill-Gvern jieħu dan is-settur b’serjetà u jibda jwettaq dak li wiegħed.