Internazzjonali Knisja

Jiċħdu li l-Papa għandu tumur

Il-Vatikan kellu jiċħad aktar minn darba rapport li kien ippubblikat mill-‘Quotidiano Nazionale’ fejn intqal li għandu bidu ta’ tumur f’moħħu.
Skont ir-rapport, il-Papa mar bil-moħbi għand speċjalista Ġappuniż fit-Toscana biex jarah u ntqal li t-tumur seta’ jiġi kkurat u ma kienx hemm bżonn operazzjoni. Il-Vatikan qed jinsisti li dan mhux minnu imma l-ġurnal Taljan qed jinsisti li veru.
Filwaqt li ċaħad, il-Vatikan ikkundanna rapporti simili bħala att ta’ irresponsabbiltà kbira. Intqal ukoll li dan ir-rapport ħareġ fi żmien meta l-Papa hu mdaħħal f’diskussjonijiet delikati minħabba s-Sinodu tal-Familja u meta mistennija jitħabbru deċiżjonijiet importanti.
Skont il-Viċi Direttur għall-kuntatti mal-media tal-Vatikan, Patri Ciro Benedettini, l-unika titjira tal-Vatikan lejn ir-reġjun tat-Toscana saret bi tħejjija għal żjara li se jagħmel il-Papa fl-10 ta’ Novembru f’Firenze.
Imma Andrea Cangini, id-Direttur tal-‘Quotidiano Nazionale’, qal li wieħed kien jistenna ċaħda mill-Vatikan u żied li l-ġurnal kien ilu jaf imma żamm pass lura sakemm seta’ biex jivverifika d-dettalji kollha, u ma kellux l-iċken dubju li l-aħbar kienet vera.