Lokali Parlament

L-ekonomija tiddgħajjef mingħajr investiment ġdid b’xogħol ta’ kwalità

Id-Deputat Nazzjonalista Stephen Spiteri wissa li jekk dan il-pajjiż mhux se jattira investiment barrani ġdid li joħloq xogħol ta’ kwalità, u jekk mhux se jkompli l-investiment fl-edukazzjoni ogħla u f’taħriġ ta’ aktar studenti, se nispiċċaw f’sitwazzjoni fejn id-direzzjoni lejn ekonomija b’saħħitha tibda tonqos u aktar familji u individwi jidħlu f’riskju ta’ faqar.

Id-Deputat Nazzjonalista Stephen Spiteri tkellem dwar is-settur tal-politika soċjali u rrimarka li f’pajjiżna bnejna tul is-snin qafas soċjali b’saħħtu b’servizzi u għajnuniet.

Fisser li minkejja li qed ngħixu f’ekonomija li għadha miexja ‘l quddiem u bil-qgħad fl-anqas livelli, għadna b’sitwazzjonijiet ta’ familji u individwi f’sitwazzjoni diffiċli u ta’ faqar. Fost dawn semma l-anzjani u l-persuni b’diżabbiltà u dawk li qed irabbu familji waħedhom u familji bi dħul baxx.

Familji f’riskju ta’ faqar jintlaqtu aktar mill-għoli tal-ħajja
Irrifera wkoll għas-sitwazzjoni ta’ eluf ta’ persuni u familji, madwar mitt elf persuna, li qegħdin viċin il-faqar għaliex ma jkampawx ma’ sitwazzjonijiet finanzjarji diffiċli. Dawn intlaqtu wkoll mill-għoli tal-kera tal-akkomodazzjoni soċjali, li żdiedet b’mijiet ta’ ewro.

Dawn ukoll kienu milquta minn taxxi li qed iżid dan il-Gvern. Familji li qed jersqu wkoll għal xogħol prekarju. Appela lill-Gvern inaqqas dawn is-sitwazzjonijiet ta’ familji fil-bżonn.

Stephen Spiteri fisser li l-persuni b’diżabbiltà huma wkoll vulnerabbli aktar li jaqgħu f’riskju ta’ faqar minħabba li jridu aktar għajnuna għal spejjeż akbar, u jeħtieġu appoġġ.

Appella lill-Gvern jagħti eżempju hu u jħaddem aktar persuni b’diżabbiltà u jgħin ukol b’inċentivi lill-prvat biex iħaddmu aktar persuni b’diżabbiltà biex huma wkoll jirnexxu fid-dinja tax-xogħol.

Semma wkoll il-persuni b’diżabbiltà li mhux kapaċi jaħdmu u li l-uniku mezz ta’ dħul hi l-pensjoni tad-diżabbiltà li l-Gvern għandu jagħti kas tagħha.

Mhux qed jinħolqu postijiet ġodda ta’ xogħol ta’ kwalità
Stephen Spiteri qal li quddiem sitwazzjoni ta’ nuqqas ta’ investiment ġdid fl-ekonomija tagħna, mhux qed jinħolqu postijiet ġodda ta’ xogħol u appella lill-Gvern jattira xogħol tal-aqwa kwalità. Dan isir b’investiment akbar fl-edukazzjoni li jwassal għal ħaddiema aktar kwalifikati.

Irrimarka li meta l-istatistika titkellem dwar ix-xogħol u dawk li daħlu fid-dinja tax-xogħol, ma tkunx qiegħda tispjega x’tip ta’ xogħol daħlu fih. Appella biex inkomplu nanalizzaw l-istatistika sew għaliex dan hu kruċjali biex il-pajjiż ikompli miexi b’saħħtu fl-ekonomija.

Appella lill-Gvern jinċentiva lil dawk il-persuni li f’ċertu età li jridu jidħlu fid-dinja tax-xogħol iżda qed isibuha diffiċli minħabba li mhumiex kwalifikati.

Tkellem ukoll dwar familji li qed jgħixu fi djar bla kumdità u sanità, u qal li rridu nimxu b’ġustizzja biex dawn il-familji javvanzaw ukoll b’akkomodazzjoni xierqa.

Spjega li l-Awtorità tad-Djar ma tistax tħares biss lejn l-applikazzjoni u kemm ilek tapplika, iżda tħares b’lenti aktar wiesgħa u toffri akkomodazzjoni f’ambjent tajjeb u li jixraq għaż-żminijiet tal-lum.

Il-paga medja naqset
Semma li l-paga medja naqset, u din hi sitwazzjoni li qed twassal għal anqas flus fil-but kawża wkoll ta’ għoli tal-ħajja li qed taffettwa l-aktar il-familji fil-bżonn u l-aktar vulnerbbbli. Semma li hawn familji li jinqatgħalhom id-dawl u l-ilma għax ma jifilħux iħallsu l-kontijiet. Appella lill-Gvern iħares lejn dawn il-familji li jirrikjedu qalb u ġustizzja soċjali.

Appella wkoll għal servizzi tas-saħħa adegwati għaliex dawn ibatu wkoll fil-kura tal-mard minħabba li ma jifilħux iħallsu biex jingħataw kura immedjata fil-privat.

Id-Deputat Nazzjonalista saħaq li l-Oppożizzjoni se tkompli taħdem biex tkun il-vuċi għal min hu fil-bżonn u batut.