Filwaqt laqgħet ir-rakkomandazzjonijiet tal-Gvern rigward l-Edukazzjoni u t-Turiżmu in ġenerali, il-Federazzjoni Maltija tal-iskejjel tal-Ingliż (FELTOM) għandha xi riżervi dwar ċerti issues u ż-żmien ta’ l-implimentazzjoni tagħhom.
Fi stqarrija b’reazzjoni għall-Baġit tas-sena d-dieħla, FELTOM qalet li r-riżerva ewlenija tikkonċerna l’hekk imsejjħa Environmental Contribution ta’ 0.50 ċenteżmu għal kull lejl għal kull turist b’effett mill-1 ta’ April 2016 applikabbli għal kull turist ta’ ‘l fuq minn 18-il sena.
FELTOM qalet m’għandha l-ebda problema li jkun hawn xi forma ta’ eko-contribuzzjoni u tagħraf il-fatt li t-turiżmu iħalli impatt fuq l-ambjent li hemm bżonn jiġi indirizzat, u taqbel li d-dħul stmat ta’ 6 miljun ewro huwa mezz tajjeb kif nindirizzaw din il-problema. Iżda min-naħa l-oħra, il-Federazzjoni hija mħassba bil-fatt li jidher li ma kienx hemm konsultazzjoni fil-proċess biex ittieħdet din id-deċiżjoni u għalhekk, l-implimentazzjoni ta’ din il-proposta mhux talli mhiex ċara iżda hija wkoll inkwetanti.
It-tieni riżerva ta’ FELTOM hi dwar iż-żmien meta din il-miżura mistennija tidħol fis-seħħ. Bħal kull tour operator, organizzazzjonijiet li jaħdmu fl-industrija tat-tagħlim ta’ l-Ingliż (ELT) ilhom li ppubblikaw il-prezzijiet fissi tagħhom għas-sena 2016 (inkluż taxxi u kontribuzzjonijiet) sa minn kmieni din is-sena. Barraminhekk, minħabba l-fatt li din l-industrija hija bbażata fuq group bookings jew bookings minn aġenti, meta wieħed iqis li l-medja ta’ kemm student ELT idum hawn Malta hija ta’ 22 ġurnata, u li 60% ta’ l-istudenti huma ta’ ‘l fuq minn 18-il sena, dan faċilment ifisser li jekk wieħed iħares lejn l-istatistika ta’ l-industrija, din il-miżura se tiswa’ lill-industrija tagħna madwar 250,000 ewro għall-2016, b’impatt dirett fuq il-profitt ta’ l-organizzazzjonijiet involuti, li effettivament se jkollhom ikunu huma li jassorbu din il-kontribuzzjoni.
Għalhekk FELTOM tistenna li jkun hemm kjarifika dwar min se jkun qed jiġbor din l-eko-kontribuzzjoni ġdida, kif se tkun qed tinġabar u jekk jistax ikun hemm negozjar għal dawk l-iskejjel u tour operators li joffru package deals sabiex dawn ikunu eżentati għas-sena 2016. Il-Federazzjoni qed tipproponi li din il-miżura tkun implimentata għal dawk li jivvjaġġaw waħedhom kif suġġerit diġa, iżda li jkun hemm eżenzjoni għal dawk it-turisti li diġa bbukkjaw għall-2016.
Barra minhekk, filwaqt li FELTOM tirrikonoxxi l-ħatra mill-Gvern tal-MHRA bħala amministratur ta’ dan il-fond ġdid, FELTOM tistenna li l-Gvern jirrikonoxxi wkoll lil dawk l-organizzazzjonijiet li fil-fatt qed jattiraw għadd sinifikanti ta’ turisti lejn Malta, bħalma qed tagħmel FELTOM b’13% tas-sodod, bħala stakeholders li għandhom ikunu konsultati wkoll fl-amministrazzjoni ta’ dan il-fond.
L-istqarrija tkompli li fattur ieħor hu l-ispejjeż amministrattivi għal operaturi li jridu jaraw min fost il-klijenti tagħhom għandhom 18-il sena u min għandhom inqas minn 18. Għalkemm FELTOM tagħraf li din id-differenzazzjoni setgħet saret b’intenzjoni tajba, dan il-proċess, kemm jekk inhu capping jew età, joħloq piż amministrattiv u burokratiku li jrid ikun indirizzat.
//= $special ?>

