Lokali Parlament

L-Oppożizzjoni se tibqa’ tieħu attitudni responsabbli dwar l-Air Malta

L-Oppożizzjoni se tibqa’ tieħu attitudni responsabbli fil-proċess ta’ ristrutturazzjoni tal-Air Malta, bix-Shadow Minister għall-Ekonomija, Claudio Grech, jappella biex dak li qed isir, isir f’kuntest ta’ kunsens biex il-linja tal-ajru ma jkolliex problemi akbar minn dawk li qed tiffaċċja llum.

Appella wkoll li jekk irridu niffukaw biex l-Air Malta nsalvawha, irridu niġbdu l-istess ħabel f’azjenda li għandha rwol ewlieni fl-industrija tat-turiżmu.

Meta tkellem dwar l-Air Malta waqt id-dibattitu ta’ dalgħodu fil-Parlament dwar il-vot għall-2016 għall-Ministeru għat-Turiżmu, Claudio Grech qal li dak li jinkwetah fir-riżultati li tħabbru hu li l-operating loss għall-Air Malta kien akbar mis-sena ta’ qabel.

Sfida kbira u reali fir-riżorsi umani
Claudio Grech tkellem dwar l-aktar elementi li huma importanti fil-kuntest turisiku, u rrimarka l-isfida kbira u reali fir-riżorsi umani. Spjega li din ġejja mill-fatt li matul is-snin, il-paga medja ta’ min jaħdem fit-turiżmu meta mqabbla f’setturi oħrajn, bdiet tiċkien.

Filwaqt li qal li waħda mis-soluzzjonijiet fil-preżent qed tkun tal-impjieg ta’ barranin, Claudio Grech qal li issa hemm bżonn li naraw kif is-salarji jistgħu jissaħħu.

Saħaq iżda, li għandu jkun hemm investiment aktar fl-impjegati li jtejbu l-mixja tagħhom li twassal ukoll għal titjib fis-salarji. Irridu riżorsi umana b’saħħithom li jsaħħu l-prodott turistiku.

Infrastruttura li tilqa’ popolazzjoni ta’ 650,000 u mhux għal 400,000
Tkellem ukoll dwar l-investiment fl-infrastruttura u qal li aktar ma jkun hemm riżultati tajbin fit-turisti li jiġu Malta, aktar se jkun hemm bżonn ta’ investment fl-infrastruttura. Irridu infrastruttura li tilqa’ l-isfida ta’ popolazzjoni ta’ 650,000 milli għal 400,000.

Dwar it-tijib meħtieġ u kontinwu fil-prodott turistiku Malti, ix-Shadow Minister qal li ma rridux żewġ dinijiet differenti – dik tal-ambjent ġewwa lukanda b’livell għoli, u barra l-lukanda jkun hemm id-diżappunt fl-ambjent u fl-infrastruttura.