Matul il-ġurnata tal-Erbgħa, il-Lvant ta’ Sqallija nħakem minn maltemp kbir. Dan wassal għal għargħar kbar inkluż fl-inħawi madwar Katanja, minbarra maltempata kbira tas-silġ.
Il-maltemp mistenni jkompli mill-inqas sal-Ħamis. Minħabba dan il-maltemp, ajruplan li kellu jinżel fl-ajruport ta’ Fontanarossa f’Katanja kellu jinżel fl-ajruport ta’ Palermo. It-titjira kienet tar-Ryanair u kienet telqet minn Bergamo fl-Italja stess.
Fl-inħawi ta’ Acireale, fi ftit sigħat niżlu 220 mm xita. L-agħar sitwazzjoni fl-inħawi ta’ Katanja kienet madwar Canalicchio u Barriera fejn diversi karozzi nħakmu mill-ilmijiet tax-xita bin-nies fihom.
Hemm polemika għaddejja peress li t-taqsima tal-Protezzjoni Ċivili ma ħarġitx twissija li kien ġej dan it-tip ta’ maltemp li qabad lil ħafna nies fuq sieq waħda.
Maltemp kbir fuq Katanja
