Id-Deputat Nazzjonalista Robert Cutajar ikkritika lill-Gvern li fil-qasam soċjali, jeżisti nuqqas ta’ trasparenza u nuqqas ta’ konsultazzjoni.
Appella wkoll lill-Gvern biex liġijiet dwar drittijiet tat-tfal li hemm pendenti quddiem il-Parlament, ma jitħallew xaktar fuq l-ixkaffa wara li ilhom xhur sħaħ jistennew biex ikomplu jkunu diskussi.
Robert Cutajar kien qed jagħmel il-kummenti tiegħu dwar il-Baġit u rrefera għad-drittijiet tat-tfal u l-ħidma fl-APPOĠĠ. Staqsa jekk hux minnu li hemm rapporti li mhux jingħata każ ta’ ilmenti li jagħmlu s-social workers.
Hawnhekk il-Ministru Michael Farrugia intervjena u qal li jekk id-Deputat Nazzjonalista għandu xi rapporti għandu jressaq il-provi li għandu biex ikunu investigati. Qal li d-Deputat Nazzjonalista għandu jissostanzja l-allegazzjonijiet li qed jagħmel inkella jirtirahom.
Robert Cutajar qal li hu qiegħed jagħmel domanda u jistenna lill-Ministru jindaga u eventwalment jgħid jekk l-informazzjoni hix korretta jew le.
Fis-settur tal-persuni b’diżabbiltà staqsa x’inhi z-zieda proprja li se jkunu qed jieħdu l-persuni b’diżabbiltà wara li fid-dokument li l-Gvern qal li kien żbaljat, hemm żieda ta’ €5.16 fil-ġimgħa iżda fid-dokument tal-baġit li nqara, din iż-żieda mhix ċara.
Dikjarazzjonijiet żbaljati mill-Gvern li għandu jikkoreġi
Id-Deputat Nazzjonalista qal li l-Gvern donnu jrid jerġa’ jikteb l-istorja u qed isiru ħafna dikjarazzjonijiet żbaljati bl-aktar waħda riċenti tkun dik li l-Gvern fetaħ l-ewwel dar għall-persuni b’diżabbiltà fil-komunità.
Il-Ministru għandu jikkoreġi din id-dikjarazzjoni u jammetti li djar bħal dawn ilhom jeżistu għal diversi snin bi djar li nfetħu fi żmien l-amministrazzjoni preċedenti.
Robert Cutajar qal li l-kelma ġdida li qed juża l-Gvern hi ‘hub’. Issa ngħad li l-Gvern irid jagħmel hub għall-persuni b’diżabbiltà .
Id-deputat Nazzjonalista qal li hemm pożizzjonijiet differenti bejn dak li qal il-Gvern u dak li qal l-eks-President tal-Kummissjoni Nazzjonali Persuni b’Diżabbiltà (KNPD), Joseph Camilleri. Fisser li għaliex esprima opinjoni differenti, Camilleri ġie indirizzat bi kliem iebes min-naħa tal-Gvern.
Id-Deputat Nazzjonalista ħeġġeġ lill-Gvern biex ma jdumx ma jressaq quddiem il-Parlament għad-diskussjoni emendi proposti biex fil-Kostituzzjoni tkun inkluża d-definizzjoni li m’għandux ikun hemm diskriminazzjoni minħabba diżabbiltà, kif ukoll proposti li jirrigwardaw il-lingwa tas-sinjali għall-persuni nieqsa mis-smigħ.
Robert Cutajar qal li jaqbel mal-liġi biex jiħraxu l-pieni kontra abbużi fil-konfront tal-anzjani u persuni b’diżabbiltà iżda dawn għandhom ikunu applikati mingħajr diskriminazzjoni kontra kull min jabbuża.
Ir-Residenza ta’ San Vinċenz m’għandhiex titħalla taqa’ lura
Id-Deputat Nazzjonalista tenna l-impenn tal-Oppożizzjoni biex ikompli jsir titjib fil-qasam tad-dimentia. Appella wkoll biex ir-Residenza ta’ San Vinċenz ma titħalliex taqa’ lura. Staqsa minn min hu ffurmat il-Bord dwar l-għażla tal-anzjani li jidħlu f’din ir-residenza. Staqsa wkoll fost affarijiet oħra, għaliex qed jitnaqqsu l-constant watches bir-riżultat li anzjani qed jintrabtu biex ikun evitat milli jaqgħu mis-sodda matul il-lejl.
Robert Cutajar tkellem dwar l-inċertezza li teżisti fost il-ħaddiema tal-Isptar Karen Grech, u qal li ma kienx korrett il-Prim Ministru li għamel xebh dwar l-inċertezza tal-ħaddiema tal-Enemalta ma’ dawk tal-Isptar ta’ Għawdex u ta’ Karen Grech.
Il-ħaddiema tal-Enemalta jafu min daħaq bihom meta kienu mwiegħda affarijiet differenti mill-kundizzjonijiet li għandhom illum.
//= $special ?>