Id-Deputat Nazzjonalista Ċensu Galea appella lill-Gvern jindirizza l-pressjoni fuq l-infrastruttura li qed tirriżulta fil-lokalitajiet fejn hemm preżenza ta’ turisti tul is-sena kollha.
Fid-dibattitu dwar il-baġit ivvutat għall-2016 għall-Ministeru tat-Turiżmu, Ċensu Galea fisser li f’San Pawl il-Baħar, il-Mellieħa, San Ġiljan u Tas-Sliema huma responsabbli għal 80% tat-turisti li jiġu f’pajjiżna. Irridu nagħrfu kif din ir-realtà ninkorporawha fil-ħajja ta’ kuljum tagħna u t-turist li jżurna għall-ewwel darba jerġa’ jżurna.
Id-Deputat Nazzjonalista qal li l-preżenza qawwija ta’ turisti f’dawn il-lokalitajiet iġġib pressjonijiet akbar fuq dawk il-lokalitajiet, u aktar bżonnijiet. Semma li pajjiżna għandu madwar 50,000 resident ieħor bit-turisti li jkollna tul is-sena, u dan iġib pressjonijiet fuq l-infrastruttura u fuq il-ħtiġiet ta’ pajjiżna.
Numru kbir ta’ barranini qed jaħdmu fl-industrija tat-turiżmu
Semma wkoll lil hawn numru kbir ta’ barranin li qed jaħdmu fl-industrija tat-turiżmu u enfasizza l-ħtieġa ta’ aktar Maltin li jkunu huma li jagħtu s-servizz fit-turiżmu.
Meta irrifera għall-baġit ta’ miljun ewro għall-ITS, Ċensu Galea rrimarka li jirriżulta li hemm tnaqqis ta’ mitt elf ewro għall-istudenti tal-ITS. Semma wkoll it-taxxa fuq it-turisti u qal li b’kollox il-Gvern qed jismta li jkollu €8 miljun b’dak li se jkun qiegħed iżid il-Gvern ma’ din it-taxxa.
Il-Kunsilli Lokali għandhom jngħataw aktar fondi biex jindirizzaw il-bżonnijiet tat-turiżmu
Appella li dan il-fond igawdu wkoll minnu l-kunsilli lokali bi skemi ta’ public private partnerships (PPP) hekk kif awgura li l-Kunsilli Lokali jkunu l-bażi li fuqhom ikun hemm il-PPP.
Esprima l-fehma li parti sostanzjali mit-taxxi li jidħlu mil-lokalità partikolari, għandha tibqa’ f’dik il-lokalità għaliex hemm ħtiġiet u pressjonijiet kbar marbuta mal-infrastruttura u l-prodott turistiku, u dan biex ikun jista’ jsir l-investiment meħtieġ.
Dwar il-proposti għal studji dwar binjiet ta’ parkeġġi, bil-Gvern isemmi l-Mosta u Wied il-Għajn, id-Deputat Nazzjonalista staqsa jekk meta saru d-diskussjonijiet, il-Ministeru għat-Turiżmu enfasizzax il-lokalitajiet ta’ San Pawl il-Baħar, San Ġiljan u Tas-Sliema biex għalihom ikun hemm flus ivvutati għal dan it-tip ta’ żvilupp.
Irrifera wkoll għal tweġibiet li ta l-Gvern fil-Parlament, fejn kien konfermat li m’hemm ebda PPP ma’ Transport Malta għal bini ta’ parkeġġi.
Tkellem ukoll dwar iż-żieda ta’ €12-il miljun għall-MTA u talab lill-Gvern jispjega kif se jintefqu u għal liema proġetti speċifiċi se jkunu qed jiġu investiti matul is-sena li ġejja.
Aktar koperazjoni mal-Kunsilli Lokali biex il-prodott turistiku jitjieb
Filwaqt li enfasizza fuq aktar proġetti fl-infrastruttura ta’ pajjiżna, talab għal aktar koperazjoni mal-Kunsilli Lokali biex il-prodott tagħna jkompli jitjieb.
Appella li l-Ministeru tat-Turiżmu u l-Ministeru tal-Kunsilli Lakoli jaħdmu aktar flimkien biex tingħata aktar għajnuna lil lokalitajiet fejn hemm preżenza qawwija ta’ turisti.
//= $special ?>