“Qatt ma smajt b’Sai Mizzi” – Uffiċjali f’Shanghai

Uffiċjali f’Shanghai jgħidu li ma jeżisti l-ebda Konsulat ta’ Malta

“Qatt ma smajt b’Sai Mizzi” kienet it-tweġiba tal-Uffiċjal fiċ-Ċentru għall-Visas ta’ Malta f’Shanghai, meta l-preżentatur tal-programm Tagħna Lkoll fuq Radio 101, David Thake, ipprova jagħmel kuntatt biex jitkellem mal-mara tal-Ministru Konrad Mizzi. Aktar minhekk, l-anqas l-Uffiċjali f’call centre ma jafu li jeżisti Konsulat ta’ Malta f’Shanghai.

Waqt il-programm Tagħna Lkoll, ixxandru numru ta’ telefonati. Fost l-oħrajn saret telefonata ma’ call centre f’Shanghai, fejn l-Uffiċjali saħqu li ma jeżistix Konsulat Ġenerali ta’ Malta f’Shanghai.

F’Lulju li għadda, Malta kienet rat lil Sai Mizzi għall-ewwel darba minn meta kienet ġiet appuntata Mibgħut Speċjali u aktar tard Konslu Ġenerali ta’ Malta għal Shanghai, kienet qalet lill-media li għandha l-uffiċċju tal-Konsulat lest (mingħajr linja tat-telefon).

Fuq websites lokali kienu wkoll tfaċċaw ritratti mhux uffiċjali ta’ xi tip ta’ ftuħ ta’ uffiċċju f’Shanghai. Madankollu, l-aħħar żviluppi jindikaw li skont Uffiċjali f’call centre f’Shanghai, ma jeżisti l-ebda Konsulat ta’ Malta, iżda jeżisti biss Ċentru għall-Visas ta’ Malta f’Shanghai. Anke f’dan iċ-Ċentru, ir-risposta tal-Uffiċjali kienet li qatt ma semgħu b’Sai Mizzi.

It-taħwid dwar minfejn qed taħdem il-mara tal-Ministru Konrad Mizzi, b’paga ta’ €13,000 fix-xahar, ilu jispikka. F’Lulju, ma’ The Times, il-Ministru Chris Cardona ma kienx ċar dwar minfejn qed taħdem il-mara tal-Ministru, la bħala Mibgħut Speċjali u lanqas bħala Konslu Ġenerali ta’ Malta f’Shanghai. Lanqas il-Ministru tal-Affarijiet Barranin stess, George Vella, ma kien kapaċi jagħti indirizz minfejn kienet qed taħdem.

Dawn l-iżviluppi jkomplu jitfgħu dubji dwar ix-xogħol li suppost qed tagħmel il-mara tal-Ministru għal Malta minn Shanghai. F’Lulju, Sai Mizzi kienet qalet lill-media Maltija “judge me on what I do for you”.