Internazzjonali

Żbark f’bażi tar-RAF f’Ċipru

Kien hemm żbark ta’ lanċa mimlija immigranti mal-kosta quddiem il-bażi tar-RAF Ingliża f’Akrotiri, f’Ċipru. Il-Ministeru tad-Difiża Ingliż qal li abbord kien hemm 140 persuna imma n-nazzjonalità tagħhom mhix magħrufa.
Hu mifhum li din l-ewwel darba kemm ilha sejra din il-kriżi tal-immigrazzjoni li immigranti żbarkaw f’territorju Ingliż bħalma hi l-art tal-bażi. Imma l-awtoritajiet Ingliżi qed jgħidu li r-responsabbiltà tal-immigranti hi tal-Gvern Ċiprijott minħabba ftehim li sar fl-2003. Il-bażi ta’ Akrotiri qed tintuża mir-RAF għal attakki mill-ajru kontra l-ISIS fl-Iraq.
B’differenza minn dak li qed jiġri fi bnadi oħra tal-Mediterran, f’Ċipru, minkejja li hu membru tal-Unjoni Ewropea u jinsab madwar 160 kilometru bogħod mill-kosta Sirjana, ma kienx hemm mewġa ta’ immigranti jippruvaw jiżbarkaw hemm.