Internazzjonali

Azzjoni li evitat l-esekuzzjoni ta’ ostaġġi mill-ISIS

Qawwiet Amerikani u Iraqqin għadhom kemm ħelsu għexieren ta’ ostaġġi li kienu qed jinżammu mill-militanti tal-ISIS fl-Iraq.

L-azzjoni seħħet wara li daħlet informazzjoni li l-ostaġġi kienu qed jiffaċċjaw ‘qtil imminenti’, bil-Pentagon tal-Istati Uniti jikkonferma dawn id-dettalji.

Intant, suldat Amerikan li spiċċa ferut fir-rejd fuq l-ISIS miet mill-ġrieħi li ġarrab. B’hekk hu sar l-ewwel membru tal-qawwiet Amerikani li tilef ħajtu mindu l-Istati Uniti bdiet l-azzjonijiet militari kontra l-militanti tal-ISIS, is-sena l-oħra.

L-azzjoni li salvat lill-ostaġġi seħħet qrib il-belt ta’ Hawija, fit-Tramuntana tal-Iraq. Ir-rapporti qalu li nqabdu priġunier talanqas ħames militanti tal-ISIS, b’numru ta’ militanti jinqatlu waqt l-azzjoni.

Ir-rejd ikkonċentra fuq kumpless ta’ ħabs ikkontrollat mill-ISIS fil-limiti ta’ Hawija, li tinsab fil-provinċja ta’ Kirkuk fejn il-maġġoranza tar-residenti huma Kurdi. Il-militar tal-Istati Uniti, f’dan il-każ, intervjena biex iwieġeb għat-talba speċifika tal-Gvern reġjonali tal-Kurdistan u meta l-ostaġġi kienu ‘minuti ‘l bogħod mill-mewt’.