Kif kien mistenni, il-jott Taljan TP52, B2 ta’ Michele Galli rebaħ it-titlu tal-‘overall’ tas-36 edizzjoni tar-Rolex Middle Sea Race. Din hi t-tieni darba li dan il-jott rebaħ it-titlu tal-‘overall’ wara li kien kiseb suċċess fl-2013.
Nhar it-Tlieta dan il-jott kien rebaħ sfida mill-aktar eċċitanti mal-jott Taljan l-ieħor, Mascalzone Latino ta’ Vincenzo Onorato. Hu kien daħal seba’ sekondi qabel Mascalzone Latino u t-Tlieta stess kien diġa’ l-akbar favorit għar-rebħ ta’ dan l-unur prestiġjuż. Bil-ħin ikkoreġut, il-vantaġġ li kellu B2 fuq Mascalzone Latino kien dak ta’ disa’ sekondi.
Fl-ewwel kummenti li ta, wieħed mill-membri tal-crew ta’ B2, Nacho Postigo, qal “Kienet sorpriża kbira għalina li spiċċajna disa’ sekondi qabel l-eqreb avversarju tagħna. Li kieku sfajna megħluba minn Mascalzone Latino xorta waħda konna nkunu kuntenti għax kemm aħna kif ukoll it-tim tal-jott l-ieħor għamilna l-massimu li stajna. Kuntenti ħafna li rbaħna waħda mill-aktar tiġrijiet diffiċli fil-kalendarju annwali tal-ibburdjar.”
Michele Galli u l-kumplament tal-crew issa jirċievu l-unur waqt iċ-ċerimonja li se ssir nhar is-Sibt f’Dar il-Mediterran.
Artie jtemm fir-raba’ post
Il-jott Malti Artie ta’ Lee Satariano u Christian Ripard kien l-ewwel jott Malti li qasam il-linja finali biex bil-ħin ikkoreġut, temm fir-raba’ post fil-klassifika tal-‘overall’ u fl-istess waqt rebaħ il-kategorija tal-IRC Five. Artie kellu jegħleb l-isfida ta’ erba’ jottijiet oħra Maltin li kollha kemm huma daħlu bejn wieħed u ieħor fl-istess ħin.
Minkejja li ma rnexxilux jiddefendi t-titlu tal-‘overall’ li rebaħ is-sena li għaddiet, Artie kellu wirja ferm pożittiva f’din il-kompetizzjoni li fiha ħadu sehem aktar minn 100 jott.
“Kienet tiġrija mentalment diffiċli. Nemmen li ma stajniex għamilna aktar milli għamilna. Xtaqna li kieku f’ċerti perjodi tat-tiġrija kien hemm aktar riħ imma dan hu element ta’ fortuna u din is-sena ma tantx daħkitilna. Tattikament konna tajjeb ħafna u minkejja li ma rbaħniex nasal ngħid li din is-sena l-wirja tagħna kienet l-aqwa li qatt kellna. L-għan tagħna kien li nirbħu l-klassi tagħna u ninsabu ferm kuntenti li rnexxielna nagħmlu dan.”
Dawn kienu l-ewwel kummenti ta’ membru tal-crew Artie hekk kif ħarġu r-riżultati uffiċjali.
“Il-fatt li diversi jottijiet Maltin spiċċaw tant viċin xulxin juri kemm aħna poplu li kapaċi nkunu kompettitivi, anke f’kompetizzjonijiet li fihom jieħdu sehem barranin ta’ kalibru għoli. Il-livell tal-ibburdjar f’pajjiżna mar ‘il quddiem u dan grazzi anke għall-fatt li ħafna Maltin qed jieħdu sehem f’kompetizzjonijiet barra minn pajjiżna.”
//= $special ?>