Lokali Parlament

Baġit bla roadmap u viżjoni għas-saħħa

Il-proġett tal-Medical Assessment Unit għal 28 sodda mar żmerċ bi €3 miljun

Fil-Baġit m’hemmx roadmap u viżjoni għas-settur tas-saħħa. Fil-preżent hemm falliment fl-outpatients u fis-sistema tal-appuntamenti. Il-proġett tal-Medical Assessment Unit għal 28 sodda mar żmerċ bil-Gvern kellu jħallas €3 miljun aktar meta l-kuntrattur li rebħu għax offra €3 miljun anqas u issa n-nefqa xorta żdiedet bi €3 milljun.

Ix-Shadow Minister għas-Saħħa, Claudette Buttigieg, tkellmet fil-Parlament dwar il-Baġit li qed jippreżenta l-Gvern għas-settur tas-saħħa u fissret kif bin-nefqa żejda li fil-bini tal-Medical Assessment Unit li kien ippjanat ukoll mill-amministrazzjoni preċedenti, iwassal biex kull sodda ġiet tiswa €169,117, u dawn m’humiex sodod speċjalizzati.

Staqsiet lill-Gvern jispjega wkoll fiex wasal fil-kwistjon tal-kwalità tal-konkos li inkjesta ddikjarat li kien ħażin, minħabba li issa għaddew ħafna xhur bil-Gvern jaqa’ f’silenzju li jtarrax.

Is-settur tas-saħħa tpoġġa fit-tieni diviżjoni taħt l-enerġija
Claudette Buttigieg qalet li l-kritika li qed tagħmel l-Assoċjazzjoni Maltija tat-Tobba (MAM) fir-rigward tas-settur tas-saħħa hi fl-istess linja mal-pożizzjonili li ilha tieħu l-Oppożizzjoni u li tkompli turi kif is-settur tas-saħħa tpoġġa fit-tieni diviżjoni taħt l-enerġija.

Irrikonoxxiet li l-Gvern kompla bi proġetti li nbdew mill-amministrazzjoni preċedenti fosthom l-Isptar tal-Onkoloġija, fejn kien hemm deċiżjonijiet li wasslu għal tibdil fid-disinji tal-Isptar li tawlu x-xogħol. Sptar li l-Gvern qed iqisu bħala żieda fis-sosod f’Mater Dei. Staqsiet jekk saritx iċ-ċertifikazzjoni kollha kif suppost.

Tkellmet dwar id-discharge lounge li tbiddet f’sala ġdida għall-pazjenti, u s-sitwazzjoni tal-kurituri fejn ta’ lanqas mietu diġà seba’ persuni u ħafna pazjenti oħrajn li telqu għax ma felħux jistennew fil-kurituri. Ikkritikat id-deċiżjoni li ġew imblukkati t-turġien bis-siġġijiet, u lifts out of order, fiz-zona ta’ qabel tidħol l-entraturi bil-konsegwnza li pazjenti li jridu jmorru għal X-ray iridu jgħaddu minn rotta itwal.

Dwar il-waiting list, il-Gvern ukoll kompla fuq dak li kien ippjanata filwaqt li rrimarkat li fi żmien amministrazzjoni Nazzjonalista d-deputat illum tal-Gvern, Franco Mercieca, ipprefera jaqdi l-pazjenti fil-privat filwaqt li llum, u hu tajjeb, qiegħed jaħdem kuljum għax jippreferi jaħdem f’Mater Dei.

Mount Carmel Hospital Tabella Sptar Monte Carmeli

Nuqqasijiet f’bord dwar is-saħħa mentali li twaqqaf b’għaġla
Ikkritikat ukoll li dwar is-saħħa mentali, il-Baġit jitkellem dwar miżura waħda – dik li se jitwaqqaf Bord tad-Diretturi dwar is-Saħħa Mentali. Fissret li din turi biċ-ċar li m’hemmx roadmap u se nerġgħu nibdew niddiskutu x’se nagħmlu. Ikkritikat ukoll li dan il-Bord twaqqaf bl-għaġla u jinkludi lis-CEO ta’ Monte Carmeli li m’għandux għalxiex għaliex hu se jiġbed lejn is-servizzi f’Monte Carmeli meta x-xejra hi li nitbiegħdu mill-istituzzjonijiet u nimxu aktar lejn il-komunità.

Nuqqas ieħor fit-twaqqif ta’ dan il-Bord hu li ma jinkludix NGOs, rappreżentanti tal-familji u tal-pazjenti, u hemm biss persuna mill-pubbliku meta nafu l-importanza tal-NGOs fil-kura tas-saħħa mentali. Hemm ukoll rappreżentanti tal-infermiera iżda m’hemmx social workers li m’għandhom ikunu rappreżentati mill-allied health professions li jridu jkun hemm fuq il-mertu tagħhom.

Fissret li hemm bżonn ta’ aktar attenzjoni lid-drittijiet tal-pazjenti bi problemi ta’ saħħa mentali. Saħqet li t-tfal u ż-żgħażagħ mhux posthom f’Monte Carmeli u li trid issir ħidma bi pjan ħolistiku. Staqsiet fejn hu l-Outreach fis-servizzi tas-saħħa mentali u x’qed isir f’Għawdex fejn semmiet li għandha tiġi esplorata l-kura tas-saħħa mentali fil-komunità.

Baġit ta’ żewġ dokumenti
Tkellmet ukoll dwar il-Baġit “ta’ żewġ dokumenti”, u d-diskrepenza li rriżultaw bejn dak li ppubblikat bi żball u d-diskors tal-Baġit. Filwaqt li elenkat numri ta’ miżuri li reġgħu ddaħħlu wara li kienu se jitħallew barra, irrimarkat li nbidlu xi sentenzi dwar iċ-ċentru tas-saħħa propost għal Ħal Kirkop Fid-diskors tal-Baġit jingħad li se jsiru preparamenti għal talba għal proposti, u fid-dokument jagħti impressjoni ta’ xi done deal bejn il-gvern u l-privat.

Sptar Generali Ghawdex

Il-Gvern u l-GWU biss favur li l-Isptar f’Għawdex jiġi privatizzat
Tkellmet ukoll dwar il-pjan li għadu mhux magħruf dwar l-Isptar Ġenerali t’ Għawdex u kif jidher s’issa li hu l-Gvern u l-GWU biss favur li dan l-uniku sptar f’Għawdex jiġi privatizzat.

Fid-dawl tad-dikjarazzjoni li kien għamel il-Gvern meta kien ħabbar li l-PPP fit-tmexxija tal-Isptar t’Għawdex se jkun iffirmat sal-aħħar tas-sena, irrimarkat li l-Oppożizzjoni u ħafna setturi oħrajn qed jitolbu għal diskussjonijiet mal-istakeholders kollha u mhux mal-GWU biss.

Fakkret lill-Gvern li l-UĦM tirrappreżenta l-akbar numru ta’ ħaddiema fis-settur tas-servizzi tas-saħħa u magħha ma saru ebda diskussjonijiet. Semmiet il-kritika li kellu l-Gvern b’rabta mal-pjani li qiegħed jaħdem fuqhom mingħajr diskussjonijiet, fosthom il-MAM li twissi li jeħtieġ distinzjoni ċara bejn servizzi privati u dawk pubbliċi. Twissi wkoll li esperimenti simili ta’ PPP fis-servizzi tas-saħħa li diġà saru fir-Renju Unit, ma rnexxewx.

Ix-Shadow Minister akkużat lill-Gvern li daħak bl-Għawdxin u ngannahom. Saqsiet kif il-Gvern imur biss mal-GWU f’laqgħa mal-investitur li miegħu l-Gvern qed jiddiskuti dwar is-servizzi tas-saħħa f”Għawdex.

F’sitwazzjoni li fiha l-preferred bidder tal-Gvern, l-investitur, għadu jfittex investituri hu biex iwettaq il-pjan f’Malta, Claudette Buttigieg staqsiet jekk hux il-ħsieb tal-Gvern li jaħti xi garanzija oħra bankarja.

Semmiet li l-Għawdxin m’għandhomx għażla għas-servizzi tas-saħħa għaliex kulħadd irid imur fl-Isptar t’Għawdex. Il-ħaddiema wkoll ikollhom jiġu jaħdmu Malta jekk se jitnaqqsu l-ħaddiema mill-Isptar. Ix-Shadow Minister saħqet li hemm wisq ħabi u nuqqas ta’ trasparenza.

Medicina Xkaffa Medicini Xkafef

Mediċini essenzjali għadhom nieqsa u naqset l-għażla
Tkellmet ukoll kif dan il-Gvern qiegħed jittratta l-kwistjoni tal-mediċini out of stock. Kixfet kif mhux veru li hemm ħames mediċini out-of stock kif qal il-Prim Ministru meta tkellem dwar il-Baġit. Fil-ġurnata tal-bieraħ, kien hemm 20 mediċina out of stock – fosthom mediċini importanti bħalma huma dawk għall-aċtu fl-istonku, vitamini essenzjali, antibiotiċi u dressings tal-feriti.

Filwaqt li rrikonoxxiet li s-sistema tjiebet, Claudette Buttigieg qalet li dak li sar mhux biżżejjed. Talbet lill-Gvern jispjega kemm-il direct order qed issir f’dan il-qasam, jekk hux qed jinżammu l-proċeduri stabbiliti, u jekk l-Awtorità tal-Mediċini hix qed ktun viġilanti jew hix qed tagħlaq għajnejha.

Staqsiet ukoll jekk l-importaturi kollha għandhomx l-istess opportunità, jew hemmx min qed jieħu aktar direct orders minn oħrajn.
Sostniet li llum naqset l-għażla minn fejn qed jiġu ordnati l-mediċini. Tneħħew ukoll ċertu mediċini li hemm talba għalihom bħalma huma qtar għall-għajnejn fejn għal isem partikolari jrid jintalab permess speċjali.

Dwar it-tqassim tal-mediċini fid-djar, qalet li f’dan is-settur se tinħoloq problema kbira bejn is-sidien tal-ispiżeriji u l-ispiżjara li ma jridux iqassmu l-mediċini bieb bieb.

Il-pazjent sar tallab għand l-MCCF
Dwar it-talbiet tal-NGOs li qed jitolbu lill-gevrn għal mediċini ġodda li jqumu ħafna flus iżda li huma meħtieġa għall-kura, Claudette Buttigieg staqsiet għalfejn għal dawn il-mediċini m’hemmx flus iżda kien hemm għas-sidien tal-Cafè Premier. Fissret li hi l-Malta Community Chest Fund (MCCF) li qed tagħmel tajjeb għan-nuqqasijiet f’mediċini, bil-pazjent sar tallab għand l-MCCF. Bil-flus li ta lil Cafè Premier, l-MCCF kienet tagħmel sena u nofs ħidma fejjieda mal-pazjenti kollha waqt li l-Gvern jiftaħar kemm ħoloq ġid meta hawn soċjetà li qed tibqa’ tittallab.

Ikkritikat lill-Gvern li r-riforma fil-kura primarja ma rnexxitx filwaqt li awgurat li tirnexxi għaliex l-Oppożizzjoni temmen li hemm bżonnha.

sptar nies

Falliment fl-outpatients
Fil-Baġit m’hemmx roadmap u viżjoni għas-settur tas-saħħa. Fil-preżent hemm falliment fl-outpatients u fis-sistema tal-appuntamenti bil-pazjenti jitħawdu b’dak li qed jiġri fl-appuntamenti, b’ħafna ma jmorrux għall-appuntamenti u ħafna jmorru għalxejn diversi drabi. Mara rċeviet appuntament għar-raġel tagħha li ilu mejjet 17-il sena.

Hemm nuqqasijiet li mhux qed jiġu indirizzati, tnaqqis fin-nefqa għall-kura ta’ problemi transesswali u hemm ħafna nuqqasijiet oħra fosthom fil-kura tad-dijabete li tilħaq l-10% tal-popolazzjoni tagħna. Mhux qed tingħata attenzjoni u prijorità biex tiġi indirizzata l-problema tal-obesità bil-Gvern jibqa’ jkaxkar saqajh biex jiffinalizza l-Abbozz ta’ Liġi li ressqet l-Oppożizzjoni dwar l-obesità u l-ħajja sana.

Dwar l-Addolorata u l-abbużi li żvelat fil-Parlament, ix-Shadow Minister apprezzat ir-reazzjoni immedjata li ttieħdet iżda kkritikat li fil-Baġit m’hemm xejn ippjanat għal dan il-post sagru.