Fir-replika tiegħu għad-diskors tal-Kap tal-Oppożizzjoni għall-Budget 2016, il-Prim Ministru Joseph Muscat ipprova jagħti l-impressjoni li d-dejn nazzjonali qed jonqos.
Madankollu, statistika oħra uffiċjali ppubblikata mill-Gvern stess, permezz tal-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika (NSO) 24 siegħa biss wara d-diskors ta’ Muscat fil-Parlament, tgiddeb dak li qal Muscat u tikkonferma li fl-ewwel sentejn ta’ din il-leġiżlatura d-dejn ġenerali gross tal-Gvern spara ‘l fuq b’€549 miljun.
Dan, qalet l-Oppożizzjoni fi stqarrija, ifisser li għal kull ġurnata li Muscat ilu fil-gvern, il-Gvern Laburista nefaq €600,000 aktar milli qala’. Barra minhekk, id-dejn nazzjonali mistenni jkompli jikber sa tmiem din is-sena u anke tul is-sena d-dieħla.
Fl-istqarrija, l-Oppożizzjoni qalet li parti minn dan id-dejn hi dovuta għall-isplużjoni qawwija li kien hemm fin-nefqa fuq salarji fis-settur pubbliku, li żdiedet b’€132 miljun. Dan filwaqt li fil-Budget il-Gvern qed jippjana żieda oħra ta’ €50 miljun għas-salarji taċ-Ċivil tul l-2016 biex in-nefqa totali se titla’ għal €790 miljun minn €612 miljun, kif kienet fl-aħħar tal-2012.
Il-Partit Nazzjonalista qal li hu ċar li l-eluf ta’ impjiegi li nħolqu fis-settur pubbliku, il-pagi għoljin li qed jitħallsu fuqhom u fuq il-konsulenzi għal tal-qalba, kollha qed jikkontribwixxu għal dan id-dejn, kif ikkontribwew ukoll id-diversi ftehim u kuntratti sigrieti u dubjużi li daħal għalihom il-Gvern Laburista, fosthom dak tal-Café Premier, li sewa €4.2 miljun.
Aktar minhekk, tkompli l-istqarrija, id-dejn kien ikun akbar li ma kienx għall-fatt li l-Gvern biegħ l-impjant tal-BWSC lil Shanghai Electric u uża dak li daħħal minn din it-transazzjoni biex iħallas l-arretrati tal-Enemalta f’taxxi.
“L-aktar ħaġa inkwetanti f’dan kollu hu l-fatt li l-Gvern m’għandu xejn x’juri għal dan id-dejn għax la beda, u wisq anqas lesta, xi proġett kapitali minn dawk li wiegħed”, temmet tgħid l-istqarrija.
//= $special ?>