Lokali

F’Ġunju l-Gvern kien qal li “l-investigazzjoni se ssir pubblika biex tiġi assigurata t-trasparenza”

F’Ġunju li għadda l-Gvern kien iddikjara li l-investigazzjoni interna dwar l-iskandlu Gaffarena “se ssir pubblika biex tiġi assigurata trasparenza sħiħa fil-każ ta’ Old Mint Street.”

Fi stqarrija li kienet inħarġet fit-12 ta’ Ġunju 2015 (ritratt hawn fuq), il-Gvern kien argumenta li d-“deċiżjoni tal-Prim Ministru li jippubblika l-investigazzjoni tal-IAID ma tmur kontra l-ebda liġi”.

Kien intqal ukoll li l-“Prim Ministru diġa’ għamilha ċara li r-rapport se jsir pubbliku”.

Minkejja din l-istqarrija li kienet inħarġet mill-Gvern erba’ xhur biss ilu, ilbieraħ, il-Prim Ministru Joseph Muscat qal mhux se jkun qed jippubblika l-investigazzjoni interna u żied li issa f’idejn l-Uffiċju tal-Awditur Ġenerali li jagħmel dan.

Skont Joseph Muscat waqt il-programm Dissett, l-Uffiċju tal-Awditur Ġenerali talab li jingħata l-investigazzjoni interna biex tassisti f’investigazzjoni separati li qed jagħmel hu. “Issa tkun għand l-NAO (l-Awditur) u tippubblika l-NAO,” tenna Muscat ilbieraħ filgħaxija.

Dan ifisser li Muscat mar lura mill-kelma li kienet ingħatat fl-istqarrija tat-12 ta’ Ġunju, jiġifieri li “l-investigazzjoni se ssir pubblika biex tiġi assigurata trasparenza sħiħa fil-każ ta’ Old Mint Street’.