Lokali Parlament

Il-Crises Intervention Unit għandu jitwaqqaf mill-ġdid wara li kien żarmat

Id-Deputat Nazzjonalista Mario Galea appella lill-Gvern iwaqqaf mill-ġdid il-Crises Intervention Unit fl-Isptar Mater Dei li ġiet żarmata minn dan il-Gvern.

Mario Galea għamel dan l-appell fil-Parlament waqt id-diskussjoni dwar il-baġit u s-settur tas-saħħa, u saħaq li meta kien jaħdem b’tim dedikat, salva il-ħajja ta’ ħafna nies li kienu f’sitwazzjoni diffiċli kawża ta’ problemi ta’ saħħa mentali. Sejjaħ bħala deċiżjoni żbaljata tal-Gvern li jżarma dan il-unit. Fisser li bħalma jkun hemm każi ta’ emerġenza marbuta ma’ inċidenti, ikun hemm każi wkoll ta’ emerenza f’każijiet ta’ attentati ta’ suwiċidju.

Żarmat għal psikjatra wieħed sas-2pm u wara tabib
Mario Galea qal li minn tim sħiħ magħmul minn diversi professjonisti mis- 7 am sas-7 pm, u li kien jinkkonsisti fost l-oħrajn minn tobba, żewġ psikjatri u sitt inerfmiera, illum hemm psikjatra wieħed sas-2pm u wara tabib. Fisser li l-istatistika turi kif fl-aħħar 40 sena r-rata ta’ suwċidju żdiedet b’60%. Illum, isir suwiċidju kull 40 sekonda u miljun suwiċidju kull sena.

Il-każijiet f’Malta wkoll qed jiżdiedu
F’Malta, għandna rata li hi taħt il-medja Ewropea tal-UE, iżda rrimarka li l-każijiet ukoll qed jiżdiedu. L-istatistika turi li l-irġiel, dawk taħt it-22 sena u anzjani, qegħdin f’riskju ta’ problemi ta’ saħħa mentali, filwaqt li dawk b’esklużjoni soċjali u li jabbużaw mill-akoħol u minn xi sustanza, qegħdin f’riskju akbar.

Fisser li dan il-unit ħadem ħafna u salva ħafna ħajjiet. Kien jagħmel madwar 4,000 intervent fis-sena. Fi żmien l-amministrazzjoni preċedenti l-intenzjoni kienet li dan it-tim joħroġ anke bil-lejl biex jassisti sitwazzjonijet ta’ emerġenza.

Spjega li t-tim kien jagħmel assessjar tal-persuna, jindika persuna li tista’ tieħu ħsieb il-persuna d-dar, u jibqgħu jsegwu u jaraw x’kura jrid il-pazjent u jekk jistax jibqa’ jgħix mal-fmailja biex kemm jista’ jkun jiġi evitat li jispiċċa f’Monte Carmeli, fejn sfortunatament għad hemm stigma.

Ħafna drabi l-persuni li kienu jiġu assessjati minn din il-Unit kienu jevitaw li jidħlu f’Monte Carmeli. Illum, spjega Mario Galea, morna l-baħar għaliex l-uniku alternattiva hi li jiddaħħal il-pazjent f’Monte Carmel.

Filwaqt li rrimarka li x-xejriet illum huma lejn kura fil-komunità, spjega li jemmen li Monte Carmeli għandu jkun sptar miftuħ u mhux aktar b’kanċell.

Appella biex ma nilagħbux mal-ħajja tan-nies u jerġa’ jitwaqqaf il-Crises Intervention Unit. Statistika hi ċara u turi li dan il-unit mhux ħela ta’ flus.