Bħalma l-Gvern ta lin-nies propaganda rħisa qabel l-elezzjoni meta kien jgħid li l-impjant tal-BWSC hi fabbrika tal-kanċer, irid illum jagħti kas dak li qed jgħidu r-residenti li qed jilmentaw mid-deċiżjoni tal-Gvern li jsorġi tanker b’ħażna tal-gass fil-Port ta’ Marsaxlokk.
Id-Deputat Nazzjonalista Toni Bezzina ressaq fil-Parlament waqt id-dibattitu tal-baġit dwar is-settur tal-enerġija, il-preokkupazzjoni tar-residenti ta’ Birżebbuġa u Marsaxlokk għat-tanker li se jkun ankrat b’ħażna tal-gass għall-power station fil-Port ta’ Marsaxlokk.
Il-Ministru Konrad Mizzi għandu jwieġeb u jagħti risposti għal min qed ifittex is-serħan tal-moħħ u biex jitneħħew ċertu dubji, fosthom ukoll tas-sajjieda. L-Oppożizzjoni mhix qed toġġezzjona għal arja aktar nadifa jew enerġija orħos, iżda dan m’għandux isir askapitu tas-sigurtà tar-residenti.
Il-Gvern m’għandux mandat elettorali biex isorġi t-tanker tal-gass f’nofs il-Port ta’ Marsaxlokk
Irrifera għall-Manifest Elettorali tal-Partit Laburista u qal li qatt ma ssemma li kien se jsorġi l-ħażna tal-gass fil-Port ta’ Marsaxlokk. Fisser li għalhekk waħedha tiġi l-mistoqsija jekk il-Gvern ikkonsultax mar-residenti tal-madwar dwar il-lokazzjoni tal-ħażna tal-LNG, għax m’għandux il-mandat elettorali biex isorġi l-LNG f’nofs il-port.
Ir-residenti qed jiġu injorati
Toni Bezzina qal li r-residenti qed jiġu injorati, u mistoqsijiet mis-sajjieda mhux qed jiġu mwieġba fosthom jekk hux se jingħalaq il-port meta jkun qed jimtela’ t-tanker tal-LNG. Qed jistaqsu wkoll min se jagħmel tajjeb għat-telf li jsofru f’każ li ma jkunux jistgħu joħorġu jistadju. Saħaq li hu dritt tas-sajjieda li jkunu jafu kif dan it-tanker tal-gass se jaffettwalhom il-ħajja ta’ kuljum.
Id-Deputat Nazzjonalista tkellem dwar preokkupazzjoni oħra tar-residenti u s-sajjieda dwar meta jkun il-matemp fil-port. Dan minħabba li xejn mhi ideali l-loġistika tat-tanker f’nofs il-bajja meta jkun il-maltemp. Semma l-kjaż ta’ bastiment fil-Port Ħieles meta sena ilu nqata’ miċ-ċimi f’maltempata.
Inkwiet anke min-nies tan-negozju
Hemm ukoll problemi oħrajn li l-Gvern mhux qiegħed iwieġeb, bħalma huma dwar xogħol ta’ tħammil, il-ħażna ta’ 140,000 tunnellata ta’ LNG fuq it-tanker għas-sidien tan-negozji u dawk li jiffrekwentaw in-negozji u l-istabbilimenti tal-ikel fix-xatt pittoresk ta’ Marsaxlokk.
Toni Bezzina appella lill-Gvern li dawn il-preokkupazzjonijiet kollha jistgħu jiġu ċċarati jekk il-Gvern jispjega. Fin-nuqqas ta’ dan, se tilħaq issir ħafna aktar ħsara lis-settur tan-negozju.
Id-dilettanti tan-nar ukoll imħassba
Tenna li n-nies qed tistenna risposti u dan għaliex fdaw lil dan il-Gvern bit-tmexxija tal-pajjiż. Anke d-dilettanti tan-nar huma nkwetati għaliex ma jafux x’se jiġri mill-kmamar tan-nar fl-inħawi tal-power station u jekk hux se jitwaqqaf il-logħob tan-nar fl-inħawi. Staqsa wkoll jekk l-operat fil-Port Ħieles hux se jkun affettwat mit-tanker tal-gass fil-Port ta’ Marsaxlokk.
Staqsa kemm kien hemm każijiet ta’ bastimenti li daħlu rmunkati fil-Freeport minħabba ħsarat, f’liema moviment hemm riskju ta’ inċidenti li issa se jkunu esposti għal riskji akbar bit-tanker tal-gass f’nofs il-Port ta’ Marsaxlokk.
Tħassib dwar il-valur tal-proprjetà
Semma wkoll it-tħassib li hemm dwar il-valur tal-proprjetà tan-nies f’Marsaxlokk u f’Birżebbuġa. Semma li l-MEPA ma kinitx qed tagħti permessi għal ċertu żviluppi fl-inħawi ta’ fejn se jkun ankrat it-tanker tal-gass. Fakkar li fir-risposti tal-Gvern għal diversi mistoqsijiet parlamentari, il-Gvern dejjem inħeba wara r-risposta li se jkun qed jimxi mal-obbligi imposti mil-liġi.
Staqsa lill-Gvern iserraħ moħħ ir-residenti dwar il-valur tal-proprjetà. Appella li hu fl-interess tal-poplu li l-Gvern iwieġeb għall-mistoqsijiet li qiegħed iressaq fil-Parlament f’isem ħafna residenti fl-inħawi tal-Port ta’ Marsaxlokk.
//= $special ?>