Kungress EPP Malta Lokali

Il-Kap tal-PN jiltaqa’ mal-Kanċillier tal-Ġermanja Angela Merkel waqt il-Kungress Statutorju tal-Partit Popolari Ewropew

Il-Kap tal-Oppożizzjoni u tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil illum iltaqa’ mal-Kanċillier tal-Ġermanja Angela Merkel waqt il-Kungress Statutorju tal-Partit Popolari Ewropew (PPE) li t-tnejn li huma qed jattendu għalih f’Madrid fi Spanja.

Il-Kap tal-PN indirizza dan il-Kungress nhar l-Erbgħa filgħaxija f’diskors li fih ressaq numru ta’ proposti ta’ azzjoni quddiem l-isfida tal-immigrazzjoni irregolari li qed jiffaċċjaw l-istati membri tal-UE. Simon Busuttil ilu snin jisħaq f’fora Ewropej għall-qsim tal-piż tal-immigrazzjoni u matul il-Kungress dan il-messaġġ ħareġ ċar f’diversi interventi li saru.

Fost il-kelliema li indirizzaw il-Kungress fit-tieni u l-aħħar jum illum kien hemm l-istess Merkel, flimkien mal-President tal-Kummissjoni Ewropea Jean-Claude Juncker, il-President tal-Kunsill Ewropew Donald Tusk u l-eks-President ta’ Franza Nicolas Sarkozy – li kollha huma parti mill-akbar familja politika fl-Ewropa, dik tal-Popolari.