Aġġornata b’filmat tad-dikjarazzjonijiet tal-MAM
L-Assoċjazzjoni Medika Maltija illum ħabbret li qed tiddikjara tilwima industrijali fil-qasam kollu tas-saħħa u qed tagħti lill-Gvern ġimgħatejn ċans biex tinstab soluzzjoni dwar numru ta’ kwistjonijiet, bl-aktar waħda importanti tkun l-ipprivatizzar tal-qasam tas-Saħħa.
F’Konferenza tal-Aħbarijiet, l-uffiċjali tal-MAM ikkundannaw lill-Gvern għall-fatt li għadhom ma pprovdewx iċ-ċans lill-MAM biex jara l-ftehim li se jkun iffirmat mal-kumpanija Global Health Care, il-kumpanija magħzula mill-Gvern biex tmexxi l-isptar t’Għawdex, l-isptar Karen Grech u l-isptar San Luqa.
Is-Segretarju Ġenerali tal-MAM qal li dan il-ftehim, minn dak li ntqal lill-MAM, se jkun jinkludi l-possibilta’ li l-privat iżomm jew ikeċċi lil min irid mill-ewwel ġurnata li jieħu t-tmexxija tal-isptarijiet f’idejh.
Il-MAM qalet li qed tirreġistra wkoll tilwima għall-fatt li l-Gvern qed jipprova jnaqqas l-infieq fil-qasam tas-saħħa, bil-konsegwenza li mhux qed jingħata s-servizz xieraq.
Martin Balzan qal li jekk ma jintlaħaq l-ebda ftehim, tista’ tkun f’pożizzjoni li tordna l-azzjonijiet industrijali qabel jiskadu dawn il-ġimgħatejn.
//= $special ?>

