Kultura

Il-pantomima tal-Manoel tirritorna għal sena oħra din id-darba b’Robin Hood

L-FM Theatre Productions għadhom kif ħabbru li Robin Hood and the Babes in the Wood ser ikun l-isem tal-pantomima tagħhom għall-2015 ġewwa t-Teatru Manoel. Addattata għall-familja kolla, il-produzzjoni ser tkun waħda maġika, bl-attur leġġendarju Malti, Edward Mercieca fir-rwol tad-Dama.

Ibbażata fuq l-istorja ta’ Robin Hood, din il-pantomima issib lir-Re Rikkardu tal-Ingilterra jerħila lejn il-Kruċjati u jħalli lir-renju taħt idejn oħtu l-kattiva. Hekk kif tieħu l-poter, din tibda tintaxxa lill-poplu ammont eżorbitanti ta’ flus u, hekk kif din iddur fuq iż-żewgt eredi tar-Re Rikkardu, jaqa’ f’idejn Robin Hood u niesu sabiex isalvaw lil kulħadd minnha.

“Grazzi għall-Babes in the Wood, l-udjenza tista’ tistenna ħafna maġija, kif ukoll, fatata, saħħara, naħal, Minions, logħob Medjevali, foresti, Jurassic Park, baskett tax-xiri u dinja mimlija ħelu… Din il-produzzjoni ser tkun mimlija intriċċi u daħk!” jgħidilna l-produttur, Luke Mercieca.

Apparti s-sehem ta’ Edward Mercieca fir-rwol tad-Dama, il-kast jinkludi ukoll lil Maxine Aquilina bħala Robin Hood, Sarah Mercieca bħala Maid Marianne, Tiziana Calleja fir-rwol tar-Regina l-Kattiva, Stephen Oliver bħala Sheriff ta’ Nottingham, Marco Calleja fir-rwol ta’ Little John, Renato Dimech bħala Big Illa, Franco Sciberras bħala Friar Tuck, Victoria Hubers fir-rwol ta’ Fairy Hollandaise, Antonella Mifsoode bħala Alana Dale, Michaela Farrugia fir-rwol ta’ Marelli u Lisa Mifsud bħala Madoffi.

“Robin Hood and the Babes in the Wood hija pantomina tradizzjonali, mexxeja u divertenti, b’taħlita ta’ mużika li tinkludi ‘hits’ mill-2015 u kanzunetti mit-teatru mużikali,” ikompli jgħidilna Luke. “Din hija pantomima tipika tal-FM Theatre Productions, biċ-ċajt addattat għat-tfal iżda li, fl-istess ħin, jappella ukoll għall-adulti. F’kelma waħda, din hija produzzjoni li tissatarizza l-politika u tħejji lok fejn it-tajjeb jirbaħ fuq il-ħażin… Dan kollu, fl-intimità tat-Teatru Manoel.”

Il-produzzjoni ser tittella’ ġewwa t-Teatru Manoel, il-Belt Valletta, fi żmien il-Milied, bid-dati jkunu t-22, 23, 26, 27, 28, 29 u 30 ta’ Dicembru 2015, u bejn it-2 u l-4 ta’ Jannar 2016, fit-3 ta’ wara nofsinhar u fit-8 ta’ filgħaxija. Il-biljetti jiswew bejn €18 u €27.50, iżda jistgħu jiġu akkwistati b’roħs t’10% sat-30 ta’ Novembru.