Lokali

“Il-Partit Nazzjonalista mhux se jinxtara minn Joseph Muscat” – Simon Busuttil

Dalgħodu, il-media tal-Partit Nazzjonalista irċeviet offerta ta’ reklamar li tammonta għal għaxart elef ewro (€10,000) għal spots ta’ propaganda tal-Gvern dwar il-baġit. Dawn l-ispots diġa twaqqfu mill-Awtorita’ tax-Xandir meta l-Gvern prova jxandarhom fuq PBS aktar kmieni din il-ġimgħa.

Fi stqarrija, il-Partit Nazzjonalista qal li akkost li jitlef dħul sostanzjali, qiegħed jirrifjuta din l-offerta u mhux se jxandar spots ta’ propaganda politika sfaċċata ta’ din ix-xorta.

F’kumment minn Madrid fejn bħalissa qed jattendi l-Kungress tal-Partit Popolari Ewropew, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil qal: “Il-Prim Ministru issa jrid jixtri anke lill-Partit Nazzjonalista. Din hija konferma tal-filosofija politika ta’ Joseph Muscat li għalih il-flus kollox u bil-flus mingħalih li jista’ jixtri kollox u lil kulħadd. Imma lilna mhux se jixtrina. Il-Partit Nazzjonalista mhux se jinxtara.”

“Dan huwa l-mod kif il-Gvern qed jaħli flus il-poplu – fuq propaganda sfaċċata. Kien ikun ferm aħjar kieku l-Gvern uża l-flus li qed jaħli fuq din il-propaganda biex jindirizza l-problemi li qed jolqtu lin-nies bħal dawk li l-mediċina tal-kanċer tagħhom tiswa €3,000 fix-xahar u qed jitħallew ifendu għal rashom filwaqt li l-Gvern iberbaq il-flus fuq il-propaganda,” qal Simon Busuttil.

La darba dawn l-ispots diġa’ twaqqfu mill-Awtorita’ tax-Xandir minn fuq PBS, il-fatt li l-Gvern xorta qed jipprova jxandarhom fuq stazzjonijiet privati juri l-arroganza tiegħu. Il-Partit Nazzjonalista jistenna li l-Awtorita’ tax-Xandir tintervejni biex ma tħallix lill-Gvern ixandarhom fuq One TV għax b’hekk ikun qed jiffinanzja indirettament lill-istazzjon tal-Partit Laburista stess.