Id-Deputat Nazzjonalista Michael Gonzi kkritika lill-Gvern li l-pazjent fis-servizzi tal-kura tas-saħħa sar numru, u hu għalhekk li l-Gvern, bir-roadmap li qal li għandu, għadu ma sabx soluzzjoni għas-servizzi fil-qasam tal-kura primarja.
Michael Gonzi kkritika lill-Gvern li wara sentejn u nofs għadu jeqred dwar x’sab u qal li jkun aħjar li jitkellem dwar x’inhu l-pjan għas-saħħa għall-ġejjieni tas-servizzi tas-saħħ.
Irrimarka li din is-sena kienet karatterizzata minn kriżi ta’ ffullar fl-emerġenza u kurituri mibdulin f’wards, u diskors dwar privatizzazzjoni u dwar Private Public Partnerships għaċ-ċentri tas-saħħa fosthom dak f’Ħal Kirkop, għall-Isptar ta’ Għawdex u l-Isptar San Luqa u Karen Grech.
Id-Deputat Nazzjonalista qal li dan id-diskors kollu jwassal għal konklużjoni li jew dan il-Gvern għandu pjan u qed iżommu mistur, jew jitkellem meta jrid hu u jfajjar biċċa ‘l hawn u biċċa ‘l hemm.
X’inhu l-pjan u fejn sejrin?
Argumenta li mhux qed jitkellem kontra l-proġetti u l-PPP, iżda talab lill-Gvern jispjega x’inhu l-pjan u fejn sejrin.
Fisser li llum għandna sitwazzjoni fejn il-Gvern u l-privat jaħdmu għal rashom u kull tant jaħdmu flimkien biex tonqos il-waiting list.
Dwar l-Isptar t’Għawdex staqsa jekk dan hux il-mudell kif se jimxi l-Gvern għall-futur tas-saħħa f’pajjiżna. Ikkritika li b’dak li qiegħed jipprova jagħmel il-Gvern u b’dak li mhux jagħmel, il-pazjent mhux fiċ-ċentru tal-organizzazzjoni tas-saħħa iżda għadu jaqbeż minn servizz għal ieħor, bid-domanda tibqa’ dwar x’inhu l-pjan ħolistiku, x’se jkun privatizzat u kif dan kollu se jaffettwa lill-poplu.
Ġibed l-attenzjoni li fis-saħħa tal-pazjent jista’ jkun hemm riskji kbar meta s-servizzi jingħataw lill-privat.
Staqsa x’sar minnha l-proposta tal-Baġit li għadda dwar it-tmexxija taċ-Ċentru tas-Saħħa f’Bormla bl-iskema tal-PPP, u staqsa xi studju sar dwar il-proposta għal Ċentru tas-Saħħa f’Ħal Kirkop.
60% tan-nies qed jużaw il-privat fil-kura primarja
Dwar il-kura primarja, Michael Gonzi qal li 60% tan-nies qed jużaw il-privat fil-kura primarja. Fisser li llum il-privat hu b’saħħtu għaliex in-nies mhix qed tinqeda mis-servizzi pubbliċi. Staqsa x’irid il-Gvern fil-qasam tal-kura tas-saħħa. Fisser ukoll li dan hu stat ta’ fatt li ilu jseħħ. Appella lill-Gvern iħalli lill-pubbliku jagħżel hu fejn jieħu l-kura primarja u jgħin lil min irid jinqeda mit-tabib tal-famlija fil-privat. Ħafna testjiet jistgħu jisru mit-tabib tal-familja u għaldaqstant il-Gvern għandu jgħin biex dawn isiru possibbli. Dan għandu jsir billi s-sitsema tal-informatika u l-informazzjoni medika tal-pazjent tkun miftuħa u aċċessibbli wkoll għat-tobba tal-familja.
Staqsa wkoll kif se tasal il-mediċina fid-dar li wiegħed dan il-Gvern, u staqsa x’hemm ħażin mis-sistema tal-lum għax qal li f’dak li qed jipproponi l-Gvern hemm ħafna ħela ta’ ħin. Illum m’hemmx stennija għall-mediċini għaliex fil-kumdità tiegħu l-anzjani jiġbru huma l-mediċina mill-ispiżerija tal-għażla tagħhom.
Ġennata li kull min għandu liċenza ta’ karozza jista’ jsuq mutur
Tkellem dwar il-proposta fil-baġit dwar il-liċenzja tal-muturi u qal li l-Gvern se jħalli nies li għandhom il-liċenzja tal-karozza jkunu jistgħu jsuqu mutur taħt il-125 ċilindrata mingħajr ma jmorru għall-ebda taħriġ u tagħlim. Filwaqt li elenka d-differenza bejn li ssuq karozza u ssuq mutur, saħaq li hi ġenneta li ma jkunx hemm kors għal min isuq mutur.
Issuġġerixa li kull min se jsuq mutur, anke jekk ta’ ċilindrata żgħira, ikollu ċertifikazzjoni ta’ lanqas minn skola li tgħallem is-sewqan tal-mutur għaliex hemm ħafna riskju għall-ħajja fis-sewqan ta’ mutur.