Lokali

Il-PBS jiċċensura l-Kunsill Lokali tas-Siġġiewi; ma jxandar xejn dwar kawża kontra l-PL

Wara li t-TVM ma jippubblikax stqarrija tal-Kunsill Lokali dwar il-kawża li se tinfetaħ kontra l-Partit Laburista, il-Kap tal-Aħbarijiet Reno Bugeja jgħid li huma “ma jidħlux f’dawn l-affarijiet”

Il-PBS għażel li jiċċensura lill-Kunsill Lokali tas-Siġġiewi dwar il-kawża li l-Kunsill Lokali se jagħmel biex jagħti lura lis-Siġġiwin propjetà maħtufa mill-Gvern biex tintuża bħala każin tal-Partit Laburista.

Is-Sindku tas-Siġġiewi Karol Aquilina fuq Facebook qal dan u ppubblika e-mail (ftit ‘l isfel) li ntbagħtet minn Rachel Vella, ġurnalista ta’ TVM, lil Reno Bugeja, il-Kap tal-Aħbarijiet tat-TVM. F’din l-e-mail, Rachel Vella staqsiet lil Bugeja jekk għandiex tikteb “xi ħaġa żgħira” dwar din l-aħbar.

Karol Aquilina qal li r-risposta ta’ Reno Bugeja għall-mistoqsija ta’ din il-ġurnalista x’kienet għax la fl-aħbarijiet u l-anqas fuq il-website tat-TVM ma ssemma xejn dwar dan.

email lil reno bugeja siggiewi
L-e-mail li ntbgħatet mill-ġurnalista ta’ TVM lil Reno Bugeja, wara xorta waħda ma ġie ppubblikat xejn dwar il-kwistjoni tas-Siġġiewi

Aktar kmieni, is-Sindku tas-Siġġiewi kien ċempel lill-Kap tal-Aħbarijiet tat-TVM biex jistaqsi għalfejn kienet ġiet ċensurata stqarrija ppubblikata mill-Kunsill Lokali tas-Siġġiewi dwar il-kwistjoni taċ-Ċentru Ċiviku. Madanakollu, skont Karol Aquilina, ir-risposta ta’ Reno Bugeja kienet “affarijiet bħal dawn, aħna ma nidħlux fihom fl-aħbarijiet.”

Fuq Facebook, is-Sindku tas-Siġġiewi qal li x-xandir nazzjonali hu maħtuf mill-Partit Laburista bl-istess mod kif inhu maħtuf il-bini fis-Siġġiewi li l-Kunsill jixtieq li jkun night shelter għall-anzjani, librerija u ċentru edukattiv. Bini li madanakollu qed jinżamm maħtuf mill-Partit Laburista. Dwar din il-kwistjoni, il-Kunsill Lokali tas-Siġġiewi se jkun qed jiftaħ kawża fil-Qorti kontra l-Partit Laburista.