Kurżitajiet

Isemmu lit-tarbija ‘Gary’ biex l-isem ma jintilifx għal dejjem

Koppja Ingliża semmew lit-tarbija tagħhom Gary, mhux biss għax jogħġobhom l-isem imma wkoll biex l-isem ma jmurx fil-paġni tal-istorja soċjali Ingliża.

Minkejja li l-isem Gary għandu ambaxxaturi magħrufa bħall-personalitajiet Gary Lineker u Gary Barlow, huma biss 28 dawk li fir-Renju Unit ingħataw dan l-isem minn fost 700,000 li twieldu fl-2013.

Scott Bachelor, ta’ 23 sena, u Katie Hilton, ta’ 18-il sena, huma determinati li jbiddlu din ix-xejra.

“Ridna nagħtu isem uniku lit-tifel tagħna”, spjega l-missier, “isem li mhux daqshekk mifrux illum” hekk kif esprima t-tama li wara li jsiru jafu b’ibnu, nies oħra jitħajru jagħtu l-istess isem lil binhom. L-omm fissret kif l-isem għandu għeruq fil-familja hekk kif missierha wkoll kellu l-istess isem.

Fir-Renju Unit, l-isem laħaq l-ikbar popolarità fl-1964 meta kien fis-16-il post fost l-ismijiet l-iktar mogħtija. Sal-1996, l-isem niżel fil-147 post meta ngħata biss lil 235 tarbija. Sal-2013, ma kienx jikkwalifika fost l-iktar 1,000 isem mogħti fil-pajjiż.

L-isem kien ukoll komuni ħafna fis-snin Ħamsin fl-Istati Uniti, aktarx minħabba l-attur Gary Cooper, tant li kien jingħata wkoll lil trabi bniet.

Xi wħud jargumentaw li Gary Lineker u Gary Barlow, ta’ Take That, għenu biex l-isem naqas mill-popolarità għalkemm jidher li l-iktar Gary magħruf fir-Renju Unit baqa’ l-pop star Glitter, li kien intbagħat il-ħabs għal sensiela ta’ attakki sesswali fuq tfajliet.

Fir-Renju Unit, bejn l-1996 u l-2013, bdew jitfaċċaw ismijiet mhux tas-soltu fil-lista tat-Top 100, fosthom Dexter, li ngħata lil 1,019-il tarbija fl-2013, Jenson, li ngħata lil 1,055 fl-istess sena, u Harley, li ngħata lil 1,275 tarbija.

Wara li David u Victoria Beckham taw l-isem ta’ Harper lit-tifla tagħhom, il-pajjiż mar minn ebda tifla mogħtija dak l-isem għal 200 fis-sena 2013. Ismijiet oħra mogħtija lil trabi wara personalitajiet fid-dinja tal-ispettaklu jinkludu Rihanna, li fl-2013 ingħata lil 60 tifla, Hermione, li ngħata lil 77 tarbija, u Paris, li ngħata lil 107 itrabi. Dawn l-ismijiet kienu iktar popolari minn Gary fl-istess sena. Sas-sena li għaddiet, fir-Renju Unit, fost l-ewwel 100 isem għas-subien tfaċċaw għall-ewwel darba ismijiet ta’ oriġini Għarbija fosthom Omar, Ali u Ibrahim. L-iktar isem popolari għas-subien fl-2014 kien Muhammad.