Bejn Lulju u Settembru seħħew 3,293 inċident, jew kważi 1,100 inċident fix-xahar, inkluż inċident li ħasad il-ħajja ta’ tfajla.
L-NSO qal li din iċ-ċifra hi 13.4% inqas mill-inċidenti rrappurtati għall-istess tliet xhur is-sena li għaddiet, u t-tnaqqis seħħ f’kull distrett. L-ikbar ammont ta’ inċidenti kien fid-distrett tal-Port il-Kbir, b’36% tal-inċidenti kollha.
B’kollox, fit-tielet kwart tas-sena l-inċidenti ħallew 463 persuna midruba, li minnhom 271 kienu s-sewwieqa. 39 minnhom weġġgħu gravi waqt li l-maġġoranza, 231, indarbu b’mod ħafif. Fl-istess żmien, kien hemm 53 oħra li ndarbu b’mod gravi, li 30 minnhom kienu nies mexjin fit-triq.
B’kollox, weġġgħu iktar irġiel milli nisa, b’202 raġel midrub u 168 mara. Anke fost dawk midruba b’mod gravi, il-maġġoranza kienu rġiel.
Il-karozzi tal-passiġġieri kienu nvovluti f’71.7% tal-inċidenti, waqt li 16.8% tal-inċidenti seħħew bil-mutur. Vetturi tal-merkanzija kienu nvoluti fi 8.2% tal-inċidenti.
Il-jum tal-Ġimgħa kien l-iktar wieħed li matulu ndarbu nies minħabba inċidenti, u nhar ta’ Ħadd l-inqas, għalkemm bħala proporzjon, fl-aħħar jum tal-ġimgħa seħħew l-iktar ammont ta’ inċidenti li ħallew midruba.
Il-ħin l-iktar perikoluż għat-toroq Maltin kien bejn id-9.00am u nofsinhar, imbagħad bejn nofsinhar u t-3.00pm. L-inqas ħin li ħalla inċidenti fit-toroq kien bejn it-3.00am u s-6.00am.
Bħala lokalitajiet, Birkirkara kellha l-ikbar numru ta’ inċidenti, b’242 każ, segwita minn San Pawl il-Baħar, b’197 każ u Ħal Qormi b’141 każ.
//= $special ?>

