Kultura

L-attur Chris Dingli b’kummiedja ġdida: ‘Bad Dad’

L-attur u kummidjant magħruf Chris Dingli għadu kif ħabbar kummiedja ġdida li fiha jieħu sehem Dingli waħdu, bl-isem ta’ ‘Bad Dad’.

Dingli, li huwa magħruf bħala l-kittieb u l-attur ewlieni tax-xow satiriku, popolari ‘The Comedy Knights’ u tas-sensiela televiżiva bl-istess isem, ilu jaħdem bħala attur professjonali f’Londra għal dawn l-aħħar 10 snin. Waqt li kien fl-Ingilterra, Dingli deher fuq il-BBC, kif ukoll f’ħafna teatri magħrufin madwar l-Ingilterra kollha.

Il-kummiedja ‘Bad Dad’ ser tkun ibbażata fuq l-istorja awtobiografika ta’ kif Dingli pprova jidra u jirnexxi fir-rwol ġdid tiegħu bħala missier. Fost affarijiet oħra, dan jindirizza, b’mod umoristiku ħafna, n-nuqqas ta’ irqad u s-suspett li għandhu li huwa m’għandux il-ħila biex ikun missier tajjeb. Fil-fatt it-titlu ‘Bad Dad’ jirreferi għal Chris bħala missier mqareb, u mhux missier kattiv.

‘Bad Dad’ ser tittella ġewwa Blue Box, f’M-Space, L-Imsida (ħdejn il-Junior College) fis-7, 13, 14, u 15 ta’ Novembru. Dawn huma dati limitati qabel ix-xow jittiehed f’postijiet barra minn Malta.

Għal biljetti u aktar informazzjoni, wieħed jista’ jżur is-sit www.BadDadShow.com