L-uniku vendikazzjoni politika qed issir minn Muscat mas-Siġġiwin – il-PN

DWAR IL-FTEHIM SIGRIET BEJN IL-LANDS U L-PARTIT LABURISTA

Il-Partit Laburista għadu qed jokkuppa bini li bi dritt huwa tas-Siġġiwin

“Jekk hemm xi ħadd li qed iwettaq diskriminazzjoni politika, dan huwa l-Prim Ministru Joseph Muscat, fil-kariga tiegħu bħala Mexxej Laburista, li qed iwettaq vendikazzjoni mas-Siġġiwin u ma’ kull min għandu l-interess tas-soċjeta’. Bl-attitudni tiegħu, Joseph Muscat qed iġib l-interessi tal-partit politiku tiegħu qabel l-interess tal-familji u n-negozji.”

Dan qalu x-Shadow Minister tal-Ġustizzja, d-Demokrazija u d-Drittijiet taċ-Ċittadin Jason Azzopardi, f’konferenza tal-aħbarijiet fil-Pjazza tas-Siġġiewi, flimkien mal-Kelliem tal-Ambjent, l-Artijiet, l-Ippjanar u l-Infrastruttura Ryan Callus, u s-Sindku tas-Siġġiewi Karol Aquilina nsistew li l-Partit Laburista għandu jirtira mill-ftehim li għamel bil-moħbi, u jagħti l-proprjeta’ lura lill-poplu tas-Siġġiewi.

Il-każ hu dwar iċ-Ċentru Ċiviku tas-Siġġiewi, fejn 5 snin ilu, twettqet ġustizzja mas-Siġġiwin kollha wara li din il-proprjeta’ kienet ilha misruqa mingħand in-nies għal numru ta’ snin. Id-deċiżjoni li ttieħdet 5 snin ilu, kienet riżultat ta’ negozjati kbar li saru fl-interess tal-poplu tas-Siġġiewi. Jason Azzopardi qal li biex il-Partit Laburista ma jispiċċax mingħajr każin, ħames snin ilu għamel ftehim biex parti miċ-Ċentru Ċiviku tibqa’ tintuża għal massimu ta’ ħames snin, sakemm jinstab post ieħor biex iservi bħala Każin Laburista.

Jason Azzopardi fakkar ukoll li ftit tal-ġimgħat ilu, il-Parlament approva l-Liġi tal-Finanzjament tal-Partiti, li fost l-oħrajn, tinkludi li l-Gvern ma jistax jiffinanzja l-partiti politiċi. “Huwa ċar li hawnhekk qed tinkiser il-liġi, għaliex dan huwa finanzjament indirett għaliex il-Gvern qed jagħti lill-Partit Laburista proprjeta’ pubblika,” qal Jason Azzopardi.

Minn naħa tiegħu, Ryan Callus tkellem dwar il-fatt li għal darb’oħra, d-Dipartiment tal-Artijiet aġixxa b’mod sigriet, minn wara dahar kulħadd, flok fl-interess tal-poplu Malti u Għawdxi, fl-interess tal-ftit, din id-darba fl-interess ta’ Joseph Muscat u l-amministrazzjoni tal-Partit Laburista. Hu fakkar li anke fl-iskandlu ta’ Gaffarena, d-Dipartiment tal-Artijiet innegozja bil-moħbi fl-interess ta’ xi ħadd, flok fl-interess tal-poplu Malti u Għawdxi.

Ryan Callus qal ukoll li l-aġir tal-Prim Ministru huwa wieħed irresponsabbli, għaliex qed jiddefendi deċiżjonijiet żbaljati li jmorru kontra l-interess tal-ġid komuni. Bid-deċiżjoni li ttieħdet b’mod sigriet, se jbatu n-nies tas-Siġġiewi għad-detriment tal-interessi partiġġjani ta’ Joseph Muscat.

Karol Aquilina qal li wara dak li ġie żvelat mill-gazzetta The Times nhar it-Tnejn li għadda, l-Kunsill Lokali tas-Siġġiewi ma kellu ebda triq oħra ħlief li jieħu deċiżjoni li jieħu passi legali fil-Qorti biex jikseb lura dak li hu bi dritt tas-Siġġiewi u s-Siġġiwin kollha.

Hu sostna li t-tieni fażi tal-proġett taċ-Ċentru Ċiviku kienet wegħda elettorali tal-Partit Nazzjonalista fl-elezzjoni tal-Kunsilli Lokali f’April li għadda, u għalhekk il-Kunsill Lokali se jagħmel dak kollu li tippermettilu l-liġi biex dan il-proġett jitwettaq għall-ġid tas-Siġġiwin. Fost l-oħrajn, il-proġett jinkludi Ċentru ta’ Matul il-Lejl għall-Anzjani, Ċentru tar-Riżorsi għall-Komunita’ nkluż l-għaqdiet tas-Siġġiewi, aktar spazji fejn jistgħu jingħataw korsijiet edukattivi, kif ukoll librerija pubblika.

Preżenti għall-konferenza tal-aħbarijiet fis-Siġġiewi kien hemm ukoll il-Viċi Sindku tas-Siġġiewi Alessia Psaila Zammit, kif ukoll il-Kunsillieri Nazzjonalisti Julian Borg u Gillian Farrugia Pace.