Lokali Parlament

Malta għandha tkun Lussemburgu ieħor anke fil-prezzijiet orħos tal-petrol u d-diesel

Il-Gvern se jkun ħadlek kważi €4 miljun fit-tliet xhur sal-aħħar ta’ Diċembru bid-deċiżjoni fil-Baġit li r-roħs minimu fil-petrol u d-diesel ikun minn Jannar u mhux b’mod immedjat – daqskemm ħallas lil Cafè Premier

Fid-dikjarazzjoni li għamel il-Prim Ministru Muscat meta fil-Parlament tkellem dwar il-Baġit u ftaħar li jrid jagħmel minn Malta Lussemburgu ieħor, nesa jsemmi li l-Lussemburgu ilu tul din is-sena kollha jgawdi minn roħs qawwi fil-prezzijiet tal-petrol u d-disel li jlaħħaq sa 24ċ u 25ċ anqas. Nesa wkoll li l-paga medja f’Malta hi aktar minn nofs ta’ dik li hi fil-Lussemburgu.

Meta lbieraħ tkellmet fil-Parlament dwar il-baġit għas-settur tal-enerġija, ix-Shadow Minister għall-Ambjent, Enerġijaq u Trasport, Marthese Portelli, irriferiet għall-preveżjonijiet li għamel f’Lulju li għadda l-Bank Dinji għal din is-sena u l-2016, dwar il-waqgħa tal-prezz taż-żejt u li se jerġa’ jitbaxxa ferm aktar, sa 52 dollaru kull barmil. Saħqet li dak li qed jgħid il-Bank Dinji għandu jittieħed b’serjetà u rriferiet għall-prezzijiet tal-petrol u d-diesel f’pajjiżna.

Irriferiet għad-diskors tal-baġit u għad-deċiżjoni konxja li ħa l-Gvern li ma rħassax il-prezz minnufih għax skont il-Gvern, hu ta’ ġid għalik, u għax inkella tuża aktar il-karozza u żżid it-traffiku. Kixfet l-ipokresija tal-Gvern f’dan l-argument meta f’nifs wieħed jgħid li bħalissa mhux se jraħħas għaliex ir-roħs se jibda japplika minn Jannar li ġej u mhux b’mod immedjat, iżda minn Jannar jista’ jraħħas. Staqsiet jekk minn Jannar hux se jisparixxi t-traffiku.

Ix-Shadow Minister irriferiet għal dak li qal il-Prim Ministru Muscat li jrid jagħmel minn Malta Lussemburgu ieħor. Filwaqt li qal li kliem bħal dan kulħadd jilqgħu, saħqet li jekk il-Prim Ministru se jikkopja lil-Lussemburgu, għandu jikkopja f’kollox u mhux kif jaqbillu.

Hawnhekk ix-Shadow Minister ippreżentat fil-Parlament tabella li turi d-differenza kbira fir-roħs tal-prezzijiet li jgawdi l-poplu fil-Lussemburgu meta paragunati mal-prezzijiet għolja f’pajjiżna u li l-Prim Ministru b’mod konxju ma jridx iraħħas għalissa.
Fissret kif l-poplu se jkollu jistenna aktar, sa Jannar biex il-Gvern iraħħas bi 3ċ l-pterol u 4ċ d-diesel, u mhux b’kemm jirrifletti fil-prezzijiet internazzjonali meta l-poplu Malti suppost igawdi minn roħs ta’ 6ċ għall-petrol u 7ċ għad-diesel.

Tabella petrol u diesel Lux

Meta tkellmet dwar aktar paraguni bejn Malta u l-Lussemburgi, Marthese Portelli spjegat kif mill-istatistika uffiċjali li turi d-differenzi kbar li hemm fir-roħs li jgawdi l-Lussemburgu, matul din is-sena kollha l-prezz tad-diesel u l-petrol hu ferm irħas minn Malta.

Irrimarkat ukoll li l-Prim Ministru nesa jgħid id-differenza li hemm bejn Malta u l-Lussemburgu fil-medja tal-paga minima. Skont l-NSO f’Malta l-paga medja hi ta’ ftit aktar minn €16,000, filwaqt li fil-Lussemburgu, skont il-Eurostat, il-medja hi ta’ aktar mid-doppju ta’ dik Malta.

Meta rriferiet għall-pagi qawwija li qed jingħataw lil dawk li huma biss tal-qalba u viċin il-Gvern, Marthese Portelli rriferiet għal seba’ mistoqsjiet parlamentari li ressqet lill-Ministru Konrad Mizzi tul dawn l-aħħar sentejn u nofs dwar il-konsulenti tal-Ministru, kemm qed iħallashom u x’konsulenzi qegħdin jagħtu.

Ir-risposta tal-Ministru Konrad Mizzi kull darba tkun li l-informazzjoni għadha qed tinġabar meta l-ewwel mistoqsija saret fit-3 ta’ April 2013, u li sal-lum il-Ministru għadu ma sabx ħin iwieġeb. Fissret dan bħala ngann tal-Gvern.

Gvern se jkun ħadlek kważi €4 miljun fl-aħħar tliet xhur tas-sena
Fissret li l-kalkoli juru li għaliex il-Gvern se jkun qiegħed iraħħas bi 3ċ u 4ċ l-petrol u d-diesel minn Jannar u mhux mil-lum, il-Gvern se jkun ħadlek kważi €4 miljun u li l-Gvern se jkun żamm għalih – daqskemm ħallas lil Cafè Premier. Staqsiet jekk din hix il-ġustizzja u jekk hix din is-sotenibbiltà. Saħqet li bir-raġun l-Oppożizzjoni qed tikkritika dan il-baġit li fih il-Gvern qiegħed jagħti ftit għalik u ħafna għall-tal-qalba.

Tkellemt ukoll dwar il-politika ta’ ħabi u segretezza u qalet li sal-lum għad irridu naraw il-ftehim dwar ix-xiri tal-impjant tal-BWSC, il-ftehim u d-dokumenti kollha marbuta mal-garanzija bankarja li ngħatat għall-bini tal-power station, il-power purchase agreement tal-Electrogas u l-ftehim dwar il-bini tal-power station, is-supply gass agreements, il-kuntratti kollha li setgħu saru fuq trasferiment ta’ art, bini u kirjiet li seta’ kien hemm.

Semmiet kif id-DNV Kema ngħataw direct orders mill-Ministeru ta’ Konrad Mizzi. Fakkret li din hi l-kumpanija ta’ konsulenza li kellu l-Partit Laburista biex ħareġ bil-proposta tal-power station qabel l-elezzjoni. Dakinhar mal-Prim Ministru u mal-Ministru Konrad Mizzi kien hemm ukoll wieħed mill-konsulenti tad-DNV Kema li appoġġjat bis-saħħa l-proposta tal-power station fil-kampanja elettorali tal-Partit Laburista. Irriferiet ukoll għal rapporti pubblikati f’The Times dwar kif DNV Kema ngħatat kuntratt tal-Gvern b’direct order u dwar il-gazzetta kienet ukoll talbet il-kummenti tal-Ministru, bil-Ministru jiddeċiedi li ma jweġibx lill-gazzetta dwar kif il-kuntratt ingħata b’direct order minflok b’offerta.

Fakkret ukoll lill-Ministru Konrad Mizzi f’mistoqsija parlamentari li għamlitlu qabel is-sajf biex jgħid kemm kien hemm direct orders li ħareġ il-Ministeru u diparitmenti u l-entitajiet tiegħu, x’ammonti kienu u lil min ingħataw, bil-Ministru jwieġeb li l-informazzjoni għadha qed tinġabar.

Fakkret lill-Ministru fi tliet mistoqsijiet parlamentari oħra li saru biex jippubblika r-rapporti finanzjarji tal-Enemalta għall-2012, l-2013 u l-2014. Staqsiet x’qed iżomm lura lill-Gvern li ma jridx jippubblikahom u x’hemm moħbi f’dawn ir-rapporti.

Il-kontijiet raħsu bl-interconnector u bl-impjant tal-BWSC
Tkellmet ukoll dwar l-interconnector u l-power station. Qalet li l-prezz tal-interconnector ivarja. Il-prezz medju tal-elettriku mill-inteconnector illum hu ta’ 4ċ7, fil-peak hour 5ċ1, fl-off peak 4ċ2 u lanqas hu 3ċ u l-aktar 6ċ2. Marthese Portelli fissret li filwaqt li l-Gvern hu marbut jixtri b’9ċ6 għal 18-il sena mill-Electrogas, mill-prezzijiet tal-interconnector joħroġ b’mod ċar id-differenza fil-prezzijiet. Appellat għal darb’oħra li hu għalhekk li l-Gvern m’għandux jintrabat, iżda jkun liberu li jixtri minn fejn jaqbel lil pajjiż.

Semmiet li l-kontijiet ma raħsux bil-power station li wiegħed Muscat u għadu ma lestiex, iżda bl-impjant tal-BWSC u bl-interconnector ippjanati mill-gvern preċedenti.

Ix-Shadow Minister ikkritikat lill-Gvern li ma lestiex il-bini tal-power station kif wiegħed sa Marzu 2015, ma nstabx investitur u għamel tajjeb għaliha l-Gvern. Fissret li l-garanzija mill-Gvern għal self privat hi kontra l-prassi ta’ amministrazzjoni tajba ta’ fondi pubbliċi.

Kontijiet tad-dawl jintbagħtu tard f’daqqa u jridu jitħallsu sal-aħħar tax-xahar
Irriferiet għal email li rċeviet ilbieraħ fejn persuna qalet xi ġralha nhar l-Erbgħa, li minbarra li waslet siegħa u kwart tard għal appuntament f’Mater Dei, wara li waslet id-dar sabet erba’ kontijiet tad-dawl f’daqqa li akkumulaw minn Marzu li għadda, b’kontijiet li jitilgħu sa €2,480 u jridu jitħallsu sal-aħħar tax-xahar.