Sport Sport Ieħor

Malta tibda b’telfa kontra Franza

It-tim nazzjonali Malti tal-futsal beda l-impenji tiegħu fi Grupp 3 mir-rawnd preliminari għat-Tazza tad-Dinja tal-Futsal b’telfa ta’ 8-2 kontra Franza.

Il-partita ntlagħbet fil-Litwanja u fl-istess grupp ta’ Malta hemm ukoll l-Albanija u l-Litwanja.
Wara seba’ minuti biss l-avversarji marru fil-vantaġġ b’gowl ta’ Rabei u fl-10 minuta kien Bensaber li għamel l-iskor 2-0. Bir-reazzjoni tal-Maltin ma tasalx, Gasmi għamilhom tlieta fit-13-il minuta u kien hawn li wasal l-ewwel gowl ta’ Malta hekk kif fl-20 minuta sab ix-xibka Luke Stivala biex b’hekk l-iskor sa tmiem l-ewwel taqsima ntemm 3-1 favur il-Franċiżi.

Hekk kif bdiet it-tieni taqsima, Gasmi żied mal-iskor u Ramirez skurja ieħor fis-27 minuta. Żewġ minuti wara l-avversarji tagħna skurjaw ieħor permezz ta’ Mohammed filwaqt li fit-32 minuta Dylan Musu skurja t-tieni gowl tal-Maltin. Żewġ minuti wara Gasmi reġa’ sab ix-xibka u fis-37 minuta Aigoun żied ieħor għal Franza. Fid-39 minuta kollox kompla sejjer ħażin għal Malta meta tkeċċa Musu għat-tieni karta safra u mill-istess azzjoni Rabei naqas milli jiskurja minn penalty biex b’hekk il-partita ntemmet 8-2 favur Franza.

Għada Malta jmissha tilgħab kontra l-Litwanja fis-7pm filwaqt li fil-11am, nhar il-Ħadd li ġej, tilgħab kontra l-Albanija.

L-iskwadra kollha li sejjaħ il-kowċ Peter Pullicino għal dawn il-partiti ta’ kwalifikazzjoni hi din:
Gowlkipers – Adrian Attard (Luxol FC), Karl Balzan (Swieqi FC), Rueben Grech (Luxol FC)

Plejers – Matthew Attard (Luxol FC), Karl Azzopardi (Luxol FC), Chris Cardona (Lija FC), Gary Inguanez (Lija FC), Andy Mangion (Hamrun Spartans FC), Dylan Micallef (Swieqi FC), Jovica Miljic (Valletta FC), Dylan Musu (Valletta FC), Xavier Saliba (Valletta FC), Luke Stivala (Lija FC) u Mark Zammit (Luxol FC).