Fi stqarrija, l-MUMN qalet li fl- Isptar Monte Carmeli qed ikun hemm ċirkostanzi fejn pazjenti qed jaggredixxu nfermiera kemm fiżikament kif ukoll verbalment. Il-Union sostniet li dawn l-inċidenti qed jiġru b’ medja ta’ darba fix-xahar u xi drabi anki aktar frekwenti.
L- MUMN fl-istqarrija sostniet li ma tistax tkompli tittollera li din is-sitwazzjoni tibqa’ għaddejja. Qalet li mhix aċċettabbli li l-infermiera wara li jmorru għax- xogħol, qed jiġu abbużati u aggrediti.
L-MUMN qalet li l-Infermiera, barra li xi drabi qegħdin isofru ħsara fiżika qegħdin isofru wkoll trawma psikoloġika. Din bosta drabi twassal biex l-infermiera konċernati qed ikollom ifittxu għajnuna psikoloġika minħabba ħsara fuqhom infushom kif ukoll għal ħsara li qiegħda tiġi riflessa fil-ħajja privata u familjari tagħhom, sostniet il-Union.
Fid-dawl ta’ dan, l- MUMN qed tisħaq biex din is-sitwazzjoni tiġi rimedjata minnufih u l-infermiera jingħataw il-protezzjoni kollha meħtieġa, jkunu protetti u jkunu jistgħu jaħdmu f’ambjent sigur.
//= $special ?>

