Internazzjonali

Tfal jinħarqu ħajjin fl-Indja

Folla nies imblukkat triq ewlenija fl-Indja wara li żewġt itfal inħarqu ħajjin qrib il-belt kapitali Delhi.
Il-vittmi kienu żewġt itfal ta’ disa’ xhur u sentejn, u d-dar tagħhom f’Faridabad ingħatat in-nar bi stmerrija minn grupp ta’ rġiel għaliex il-familja kienet meqjusa ta’ klassi inferjuri. Il-ġenituri wkoll indarbu serjament u l-omm għadha f’kundizzjoni kritika.
Tliet persuni kienu arrestati u l-Pulizija qed tfittex disa’ oħra filwaqt li żiedet is-sigurtà fl-inħawi minħabba tħassib li jista’ jinqala’ aktar inkwiet.
It-tfal kienu reqdin meta d-dar tagħhom ingħatat in-nar. Skont il-missier, twaddab il-petrol kemm madwar id-dar kif ukoll ġewwa minn tieqa. Hu qal li f’dawn l-aħħar ġranet hu kien mhedded biex jitlaq minn Faridabad.
Skont il-Pulizija, il-qtil kien marbut ma’ tilwim antik bejn klassijiet differenti fis-soċjetà Indjana – Dalit, li skont is-sistema tradizzjonali Ħindu Indjana, hi l-aktar klassi baxxa, u Rajput, li hi fost l-ogħla. Għalkemm id-diskriminazzjoni skont il-klassi saret illegali fl-Indja, ħafna nies xorta għadhom jimxu b’dan il-mod.