Visas qed jinkisbu bil-għan ċar li Alġerini jgħaddu minn Malta għall-Ewropa, l-aktar dawk fil-pajjiżi fiz-zona Schengen
Wara l-iskandlu tal-ħruġ tal-eluf ta’ permessi ta’ residenza mingħajr ebda kontroll mill-Aġenzija Indentity Malta, hemm dubji serji wkoll fil-ħruġ ta’ 6,781 visa mill-Konsulat Malti fl-Alġerija b’xamma kbira ta’ korruzzjoni.
Il-Viċi Kap għall-Ħidma fil-Partit Nazzjonalista, Beppe Fenech Adami, sejjaħ lill-Ministru tal-Intern biex jinvestiga x’hemm wara l-ħruġ ta’ dawn il-visas għaliex iqanqlu dubju serji dwar il-mod kif qed jinħarġu, b’xamma kbira ta’ korruzzjoni.
Beppe Fenech Adami kien qed jitkellem fil-Parlament illejla meta tkellem dwar il-voti li jaqgħu taħt il-Ministru tal-Intern u s-Sigurtà Nazzjonali.
Beppe Fenech Adami qal li l-Aġenzija Identity Malta twaqqfet fi żmien l-amministrazzjoni prezenti u hi mimlija b’nies tal-qalba u nies qrib ħafna tal-Partit Laburista. Hu qal li din l-aġenzija ġabet korruzzjoni kbira f’temp qasir u saret il-monument tal-korruzzjoni istituzzjonalizzata, li saret karetteristika ta’ dan il-Gvern.
Beppe Fenech Adami semma l-involviment tal-eks-Teżorier tal-Partit Laburista, Joe Sammut, kif ukoll il-mod passiv kif iċ-Chairman ta’ Identity Malta, il-kandidat Labursta Joe Vella Bonnici, qed jibqa’ sieket dwar in-nuqqas ta’ responsabbiltà f’dak li sar fl-aġenzija.
Suspetti kbar għax ma tirriżulta ebda żieda fit-turiżmu mill-Alġerija
Id-Deputat Nazzjonalista qal li hu ta’ tħassib kbir il-fatt li f’temp ta’ sena u nofs minn Marzu tas-Sena l-oħra, inħarġu 6,781 viża ta’ persuni mill-Alġerija. Dan iqanqal suspett ukoll għall-fatt li ma tirriżulta ebda informazzjoni dwar żieda fit-turiżmu mill-Alġerija. Dan hu riżultat ċar li dawn il-viżas qed jinkisbu bil-għan ċar li wieħed jgħaddi minn Malta biex jibqa’ sejjer f’pajjiżi oħra tal-UE, l-aktar dawk fiz-zona Schengen.
Beppe Fenech Adami sejjaħ lill-Ministru biex jindaga dwar dan il-fatt u sostna li dawn in-nuqqasijiet qed jitfgħu dell ikrah fuq pajjiżna u jtellef ir-reputazzjoni.
Kwart ta’ miljun f’direct orders għal karozzi second hand għall-Pulizija
Meta tkellem dwar il-Korp tal-Pulizija, Beppe Fenech Adami talab ukoll informazzjoni dwar għaliex għal xiri ta’ karrozz ta’ €9,000 ħarġet sejħa għall-offerti iżda mbagħad inxtraw karrozzi u muturi second hand b’direct order ta’ kwart ta’ miljun ewro. Id-Deputat Nazzjonalista qal li l-Korp tal-Pulizija tilef ir-reputazzjoni tiegħu b’ħafna mill-Membri tal-Korp iħossuhom demoralizzati filwaqt li 10% tal-Korp għażlu li ma jibqgħux fis-servizz.
Erba’ Kummissarju tal-Pulizija f’sentejn
Beppe Fenech Adami tkellem dwar il-bidla ta’ erba’ Kummissarju tal-Pulizija f’sentejn. Irrefera għall-ħatra ta’ Pietru Pawl Zammit wara li tneħħa John Rizzo. Il-ħatra ta’ Pietru Pawl Zammit, li ma kienx għadu membru tal-Korp iżda kien jokkupa l-kariga ta’ Prokuratur Legali tal-Partit Laburista, ħalliet konsegwenzi fuq il-Korp li għadhom jinħassu sa llum.
L-ewwel pass li ttieħed kien li twaqqfu l-proċeduri li kienu qed jittieħdu fil-każ ta’ John Dalli. Wara, waqqaf ukoll proċeduri li kellhom jittieħdu kontra raġel li ħebb għal membri tal-Pulzija f’għassa. Ironikament barra li ngħata kariga biex jikkordina s-servizzi tas-sigurtà għaċ-CHOGM, ironikament Pietru Pawl Zammit qed jiddefendi fil-Qorti lill-persuna li ħebbet għall-Pulizija.
Wara t-tneħħija ta’ Pietru Pawl Zammit, inħatar Ray Zammit. Dan ukoll ġab reputazzjoni ħażina fuq il-Korp, u fost affarijiet oħra hu responsabbli fil-każ tal-inċident tal-isparatura mix-xufier tal-Ministru Manwel Mallia, flimkien mal-makkinarju kollu tal-Gvern li aġixxa b’mod li jkun hemm cover up ta’ dak li fil-fatt seħħ. Illum Ray Zammit jirriżulta li kien f’negozju mal-familja li taħt dan il-Gvern saret miljunarja mil-lejl għan-nhar.
Persuna qrib il-PL ma tidħolx għax-xogħol u tiddefendi każ fil-Qorti
Id-Deputat Nazzjonalista qal li dan l-aħħar ħarġet storja ta’ persuna, iben xi ħadd viċin il-Partit Laburista. Din il-persuna ma daħlitx għax-xogħol minħabba mard iżda fl-istess waqt qed tkun fl-uffiċċju legali tagħha sservi lin-nies. Filwaqt li mhix tidħol xogħol minħabba mard, din il-persuna qed tiddefendi quddiem il-Qorti persuni li hu allegat li sawtu pulizija.
Għasses magħluqa tul il-ġimgħa kollha u jiżdied is-serq
Beppe Fenech Adami semma n-nuqqas ta’ Pulizija fl-Għases bir-riżultat li hemm numru kbir ta’ Għases tal-Pulziiaj li qed jinżammu magħluqin il-ġimgħa kollha.
Il-Viċi Kap tal-Oppożizzjoni qal li matul is-sajf prova jiġbed l-attenzjoni tal-Ministru dwar iż-żieda allarmanit ta’ serq f’lokalitajiet partikolari. L-allarm li qanqlet l-Oppożizzjoni kien ikkonfermat minn informazzjoni li ngħatat fil-Parlament. Fl-ewwel disa’ xhur ta’ din is-sena kien hemm 3,448 serq fil-lokalitajiet ta’ Tas-Sliema, il-Gżira, San Ġiljan, San Pawl il-Baħar, is-Swieqi u San Ġiljan b’din il-lokalità jkollha l-akbar ammont ta’ 1,806 serqa.
Beppe Fenech Adami semma l-każ tal-persuna li f’Paceville għal ħin twil baqgħet tagħti b’sikkina lin-nies u spiċċat feriet ħames vittmi.
Ebda passi dwar is-sigurtà f’Paceville
L-Oppożizzjoni suġġeriet li jiżdiedu l-membri tas-sigurtà. Il-Gvern qal li kien se jieħu ħsieb imbagħad ftit jiem ilu sitta min-nies għamlu straġi. Dan juri li ma ttiħdux il-passi li kien hemm bżonn biex is-sigurtà f’Paceville tissaħħaħ.
Beppe Fenech Aadami qal li l-Oppożizzjoni taqbel mal-pass biex titnaqqas ir-rata ta’ taxxa fuq l-extra duty li jagħmlu l-Pulizija. Iżda hu ironiku mbagħad li jkun hemm ordni minn fuq biex jitnaqqas l-overtime tal-Pulizija. F’sena kien hemm tnaqqis ta’ aktar minn €400,000 f’sahra, qal Beppe Fenech Adami.
Id-Deputat Nazzjonalista qal li fejn jidħol l-intern id-diskors tal-baġit iddedika biss paġna waħda u paragrafu biss. Id-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili ma ngħata l-ebda importanza, u kkundanna l-mod skandaluż kif sar l-ingaġġ ta’ numru ta’ membri f’dan id-Dipartiment.
Bl-istess mod hemm assenza totali għall-ħabs fid-diskors tal-baġit. Beppe Fenech Adami qal li għad hemm ħafna x’isir fil-mod kif titħaddem il-parole. Hemm każi fejn talbiet għall-parole qed jiġu rifjutati iżda mhix tingħata raġuni. Dan ma jippermettix lill-individwu li jikkoreġi xi nuqqasijiet li jista’ jkun hemm.
Ħabsin iħossuhom superjuri fuq priġunieri oħra
Id-Deputat Nazzjonalista qal li għad hemm ħafna x’isir fil-ħabs. Ma jistax ikun hemm sitwazzjoni fejn ħabsin iħossuhom superjuri fuq priġunieri oħra. Lanqas m’hu permess li jkun hemm sitwazzjoni fejn ħabsi jiġi msawwat minn ħabsin oħra. M’għandux ikun il-priġunier vittma li jinsisti li ssir inkjesta dwar il-każ.
Beppe Fenech Adami tkellem ukoll dwar il-Forzi Armati ta’ Malta u faħħar l-impenn tal-membri fil-ħidma tagħhom fost l-impenn biex ikunu salvati nies mill-għarqa waqt li dawn kienu qed ifittxu ħajja aħjar. Hi sfortuna li kien hemm okkażjonijiet fejn kellhom jinġabru anke katavri. Għalhekk hu meħtieġ li jkun hemm taħriġ apposta biex dawn il-membri tal-Forzi Armati jkunu preparati sew anke rigward l-effett psikoloġiku li trawma bħal dik tħalli fuqhom.
L-Armata wkoll vittma tal-mod kif jaħdem il-Gvern
Id-Deputat Nazzjonalista qal li l-Armata wkoll hi vittma tal-mod kif jaħdem il-Gvern. Min ma jaqbilx mal-mod kif jaħsbiha l-Gvern, m’għandux postu fl-Armata. Membri li ġew imwarrba waqt li oħrajn qrib in-nies fil-poter javvanzaw.
Beppe Fenech Adami qal li mill-ewwel jiem, wara l-ħatra tal-Gvern il-ġdid bdew isiru attakki kontra uffiċjali biex jitwarrbu ħalli oħrajn tal-qalba u viċin il-Partit Laburista u tal-Prim Ministru javvanzaw ‘il quddiem. Jibqa’ ħażin il-fatt li xi ħadd, għax hu qrib tal-Prim Ministru, jiġi promoss fil-gradi f’temp ta’ ftit ġimgħat biex tlaħħaq Kap Kmandant.
Sentenza tal-Qorti kkundannat lill-Ministru tal-Intern għall-aġir tiegħu
Beppe Fenech Adami rrefera għall-każ quddiem il-Qorti li fih l-Ombudsman ikkontesta bil-Qorti d-deċiżjoni tal-Ministru tal-Intern preċedenti, li ma jitħalliex jindaga ilmenti dwar promozzjonijiet. L-Oppożizzjoni kienet iddikjarat li dak l-atteġġjament ma kienx korrett.
Beppe Fenech Adami qal li stenna li l-Ministru Carmelo Abela kien se jieħu d-deċiżjoni għaqlija li ma jkomplix bil-kawża u jgħaddi l-informazzjoni lill-Ombudsman biex ikun jista’ jaqdi dmiru.
Is-sentenza tal-Qorti kkundannat lill-Ministru tal-Intern għall-aġir tiegħu. S’issa għadu mhux magħruf jekk sarx appell mis-sentenza. Jekk isir appell ifisser li l-Gvern ikun qed ikompli jorbot idejn l-Ombudsman biex ma jinvestigax kif hu dritt tiegħu.
Membru fl-Armata ħabbar il-promozzjoni fuq Facebook qabel ma ħareġ ir-riżultat
Beppe Fenech Adami qal li llum wasalna fl-assurdità li membru tal-Forzi Armati tħabbar il-promozzjoni tagħha fuq Facebook anke qabel ma ħarġu r-riżultati uffiċjali. Id-Deputat Nazzjonalista appella lill-Ministru biex ma jħallix li tibqa’ ssir diskriminazzjoni sempliċiment biex jinqeda min hu tal-qalba.