Il-poplu ta’ Franza jinsab f’luttu wara traġedja li fiha mietu ’l fuq minn 40 pensjonant waqt ħabta bejn trakk u x-xarabank li l-pensjonanti kienu qed jivvjaġġaw fih fl-inħawi tal-Lbiċ.
Dan qed jissemma bħala l-agħar inċident tat-traffiku fi Franza minn dak tal-1982, li fih kienu mietu 52 persuna.
Intant, il-President ta’ Franza Francois Hollande wiegħed investigazzjoni sħiħa dwar il-ħabta bejn it-trakk u x-xarabank li seħħ fi triq qalb il-kampanja, qrib Puisseguin, fir-reġjun ta’ Gironde (lejn il-Lvant ta’ Bordeaux) li hu famuż għall-produzzjoni tal-inbid.
Iż-żewġ vetturi ħadu n-nar eżatt wara l-ħabta u l-Prim Ministru Franċiż Manuel Valls – li wasal fl-inħawi sigħat wara – ikkonferma li 42 persuna mietu ‘f’kundizzjonijiet atroċi’ fil-fjammi li ħakmu x-xarabank.
Fl-inċident salvaw tmien persuni li erbgħa minnhom jinsabu f’kundizzjoni gravi. L-aħħar rapporti, intant, ikkonfermaw li x-xufier tax-xarabank baqa’ ħaj u li s-sewwieq tat-trakk kien fost in-nies li tilfu ħajjithom.
Ħafna mill-pensjonanti fuq ix-xarabank kienu msieħba f’assoċjazzjoni tal-anzjani mill-belt ta’ Petit-Palais-et-Cornemps u l-komunitajiet ġirien. Huma kienu għadhom fil-bidu ta’ ġita u fil-ħin tal-inċident kienu qed jivvjaġġaw lejn ir-reġjun ta’ Landes.
Maż-żmien bdew jaslu l-iskwadri tal-emerġenza fiz-zona tal-ħabta, bil-midruba jitwasslu b’ħelikopter lejn l-isptarijiet fil-viċinanzi.
//= $special ?>