L-assoċjazzjoni li tirrappreżenta lil ġenituri ta’ studenti fi skejjel tal-Gvern (MAPSSS) irreferiet għall-kontroversji tal-aħħar jiem dwar it-tqassim ta’ kotba LGBTI fi skejjel tal-Gvern f’Malta u f’Għawdex.
Waqt li spjegat li s-sistema edukattiva Maltija għandha tipprovdi għarfien lill-istudenti dwar id-diversità, u dan b’riżorsi li jkunu adatti skont l-etajiet tagħhom, saħqet li l-kontroversja qamet għax ma kienx hemm biżżejjed komunikazzjoni mal-ġenituri.
L-assoċjazzjoni qalet li din il-kwistjoni ma kinitx tikber daqskemm fil-fatt kibret, kieku nżammet komunikazzjoni bejn l-awtoritajiet u l-ġenituri, u li n-nuqqas tagħha wasslet għal spekulazzjoni, għajdut u nuqqas ta’ fiduċja.
Fl-istess ħin, il-MAPSSS wissiet li l-Liġi tal-Edukazzjoni tistabilixxi li waqt li hu d-dritt tal-istat li joħloq qafas minimu nazzjonali għal kull suġġett mgħallem fl-iskejjel, il-ġenituri jew min jieħu ħsieb tfal taħt l-età għandhom id-dritt li jiddeċiedu dwar x’tip ta’ edukazzjoni tingħata lit-tfal.
Għalhekk, l-assoċjazzjoni saħqet li jekk għandu jkun hemm tibdil fil-Kurrikulu dwar l-Edukazzjoni Sesswali mgħallma fl-iskejjel, dan għandu jsir biss wara li jkun hemm diskussjoni miftuħa mal-ġenituri, u dan f’livell ta’ skola.
Enfasizzat il-ħtieġa li jkun hemm proċess proattiv ta’ komunikazzjoni, li jkun ifisser djalogu bejn iż-żewġ partijiet fl-interess tal-istudenti, u mhux li l-ġenituri jiġu ffaċċjati b’deċiżjonijiet diġà meħuda.
//= $special ?>
